"Mibni mill-Ordni" 

L-Ordni Bnieni

Dekorazzjoni fil-Knisja Parrokjali ta' Kristu Re

Il-Knisja Parrokjali ta’ Kristu Re tkompli tissebbaħ

 

Kulħadd għandu jkun kburi b’dak li wiret u jieħu ħsieb li dejjem iħallih f’kundizzjoni tajba biex jitgawda dejjem bl-aħjar mod possibli. Dan hu x-xogħol li qed issir bħalissa: nieħdu ħsieb u niddekoraw kif jixraq it-tempju tagħna, li hu wisq għal qalbna. Għalkemm il-Knisja tagħna ma għandhiex mijiet ta’ snin bħalma forsi għandhom knejjes oħra imma xorta għandna patrimonju antik u ta’ kwalità, specjalment fil-Knisja storika ta’ Santa’Ubaldeska li taf il-bidu tagħha lill-Fundatur ta’ din il-Belt li kien taha ismu, Casal Paola.  Minħabba li din il-Knisja kienet qed issir żgħira għax il-popolazzjoni bdiet tikber, beda jinħass  il-bżonn li tinbena oħra akbar, u akbar bil-kif! Kien il-Kappillan Dun Nerik Bonnici , Kappillan bejn l-1917-1921 , li ħass dan il-bżonn u nstabet art kbira biżżejjed li fiha seta’ jibda x-xogħol, fejn illum hemm il-Pjazza Prinċipali tagħna u li fiha inbena dan il-monument, il-Knisja Parrokkjali ddedikata lil Kristu Re.

Matul dawn l-aħħar snin il-Knisja Parrokjali tagħna ħadet dehra isbaħ. Ħafna minnha ma stennewx li ser jaraw dan il-progress kollu hekk f’daqqa. F’dawn l-aħħar  għaxar snin sar xogħol kbir. Barra d-dekorazzjoni tagħha kien hemm bżonn li tissewwa l-ħsara li tinqala’ minn żmien għall-ieħor. Wieħed mill-fatturi li għamel ħafna dannu lill-Knisja Parrokjali kien l-ilma li daħal maż-żmien, speċjalment minħabba l-Knisja damet mingħajr saqaf.

Ħsara oħra li sibna ma’ wiċċna kien ukoll il-mod kif il-Perit tagħha, Ġużè Damato ħallat il-konkrit mal-ħadid u dan maż-żmien beda beda jfaqqa’. Wara li ssewwiet il-ħsara beda x-xogħol ta’ dekorazzjoni. Fi żmien il-Kappillan Kan. Vinċenz Cachia , Kappillan bejn l-2006-2014, barra xogħol ta’ manutenzjoni tas-saqaf u bdil ta’ ġebel perikoluż tal-koppla minn ġewwa u ri-dekorazzjoni tagħha, sar xogħol fuq il-Portiku, il-Kappella tas-Sagrament, is-saqaf tal-Knisja u xogħol ta’ tisbiħ fil-Presbiterju u l-gallarijiet waħda fuq kull naħa tal-kappelluni tal-ġenb. Is-sena li għaddiet, kien ġej kappillan ġdid, għalhekk kif kien xieraq il-gallarijiet ġew imbierka, waħda minnu u l-oħra mill-Kappillan preżenti li kien għadu kif intgħażel, Dun Marc Andre Camilleri, li ħa l-pussess nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru 2014.                        . 

Dun Marc Andre Camilleri daħal mill-ewwel għax-xogħol, u mill-ewwel laqqa’  lil dawk kollha li kienu impenjati fix-xogħol tal-Knisja biex ix-xogħol ta’ dekorazzjoni jitkompla.

 

 

Il-Gallarijiet fil-Kappelluni

Wara li kien tlesta x-xogħol ta’ żebgħa u dekorazzjoni tal-Kappelluni taż-żewġ naħat tal-Knisja, fuq il-bibien kien jidher li hemm xi ħaġa nieqsa għalhekk saru disinn ta’ żewġ gallarijiet li jmorru tajjeb ħafna mal-istil tal-Knisja u jikkumplimentaw ix-xogħol li kien għadu kif tlesta, id-disinn tal-balavostri ittieħed minn oħrajn li diġà kien hemm fil-Knisja biex ix-xogħol ikun jaqbel.

F`April tas-sena 1914 bdew jinħadmu l-balavostri bit-torn fi Triq il-Palma, Raħal Ġdid mis-Sur Lorry Borg u wara li tlestew bdiet il-ħidma fuqhom. Għal dan ix-xogħol daħal is-Sur Anthony Galea li ħadem fl-injam il-gallarijiet sbieħ. Inħaddmu fuq tliet biċċiet kull gallarija fil-ħanut tax-xogħol tiegħu fi Triq Lanzon, Ħal Tarxien u ttieħdu l-Knisja u ittellgħu fuq permezz ta’ lifter u ġew magħqudin flimkien fil-post. B’hekk issa l-Kappelluni huma kompluti.  Wara li twaħħlu l-gallarijiet, inżebgħu bl-istess skala ta’ kuluri tal-Knisja u saritilhom xi induratura ħafifa. Il-gallarijiet tbierku waqt il-Quddiesa tal-Ġimgħa 10 ta’ Ottubru 2014, b’dik tan-naħa ta’ Triq Ġużè Damato mill-Kanonku Vinċenz Cachia u l-gallarija l-oħra tan-naħa ta’ Triq il-Knisja mill-Kappillan Dun Marc Andre.

 

 

 

Ix-xogħol tal-Balavostri mis-Sur Lorry Borg

 

 

Ix-xogħol fuq il-gallarijiet u l-immuntar fil-post

 

 

Qabel                                                                                                     Issa

 

 

L-Irħam tal-Presbiterju

Kien hemm żmien meta kienu saru tliet disinji ta’ Torres Eucaristica  għall-Knisja tagħna. Din kienet ser issir fuq il-presbiterju eżatt wara tal-artal mejda, fejn kellha tkun bħal kappella żgħira li tilqa’ s-Sagrament biex dan ma jibqax fuq l-artal ta’ wara.  Kien ippjanat li jsir bħala spazju fejn wieħed  jista imur jitlob f’din il-kappella fil-Knisja Parrokjali li tkun maqtugħa mill-kobor tal-Knisja tagħna. Għalkemm saru d-disinji,  iżda kien dan baqa’ ma sarx. Għalhekk kienet tweġġa’ l-għajn tara parti mill-Presbiterju konkrit biss mingħajr irħam, bħall-kumplament kollu. 

Qabel, l-Artal mejda kien ħafna aktar fuq wara, aktar qrib l-artal Maġġur, iżda fi żmien il-Kappillan Dun Anton Cassar l-artal ressaq aktar lejn nofs il-Knisja u kiber sew il-presbiterju u l-artal resaq ‘il quddiem  kważi taħt il-Koppla, u hekk inħoloq spazju bejn l-artal u l-artal Maġġur. Fi żmien il-Kappillan Dun Anton Cassar, li kien Kappillan bejn l-1989-1998 , sar ukoll ħafna xogħol importanti fit-tempju tagħhna, barra li l-Knisja nżebgħet kollha minħabba li kienet għadha fuq il-ġebla, inksew il-kolonni kbar tal-korsija bil-ġibs, saru xi skulturi fil-ġebla bħall-gallariji tal-Kappelluni, l-armi tal-artali tal-ġnub  u ħafna aktar.

Dun Marc Andre ried li jkompli l-irħam nieqes u fl-istess żmien ried li jitkabbar u jissebbaħ l-artal Maġġur tas-Sagrament taħt l-istatwa sabiħa ta’ Kristu Re maħduma fl-irħam fis-sena 1932  f’Ruma  u mħallsa  minn Giovanni Battista Cesare li tpoġġiet  fuq il-mensola tal-artal tas-Sagrament. 

L-irħam tal-Presbiterju tkompla biex ikun ħaġa waħda ma’ dak li kien sar qabel. Ix-xogħol tal-irħam sar mis-Sur  Ronnie Pisani, u biex il-proġett tal-presbiterju ikun komplut ġew restawrati żewġ bankijiet tal-kor u tliet sedji antiki u nħadmu pedati  (platform) għal taħthom. Barra hekk inxtara sett siġġijiet biex jintużaw għall- konċelebranti waqt il-Liturġija.    

  

Is-Sur Ronnie Pisani waqt it-tkomplija bl-irħam tal-Presbiterju

 

 

L-Artal Maġġur

F’kull Parroċċa l-Artal Maġġur għandu jkun l-iktar post importanti u ċentrali. Fil-Parroċċa għandna Kappellun apposta għas-Sagrament li ftit tas-snin ilu kien ġie iddekorat b’mod mill-isbaħ. Iżda kien hemm artal żgħir, l-aktar artal li għandu jkun importanti f’kull knisja, li iżda fil-każ tal-Parroċċa tagħna kien l-iżgħar wieħed u għalhekk kien xieraq li jingħata dehra ahjar u aktar prominenti. Fi Frar li għadda, l-artal li kellna, baqa’ hemm imma żdied miegħu biex ikun biżżejjed li fil-Festi  prinċipali tal-Knisja ikun jista’ jintrama b’żewġ ringieli gandlieri, magħrufin bħala tal-Prima u s-Sekonda.

Wara li sar disinn mill-marmista Ronnie Pisani, inbeda x-xogħol u ntuża irħam  simili għal dak li hemm. Barra li tkabbar il-wiċċ tal-artal, żdiedu żewġ  kolonni f’kull naħa. Żdied ukoll l-ixkaffar li kien imwarrab u li qabel kien jagħmel parti mill-artal mejda, biex fuqu jkun jistgħu jitqiegħdu l-gandlieri u l-vażuni b’bukketti tal-ganutell. Barra minn hekk, it-Tabernaklu sarulu tmien kanupewijiet ġodda b’kuluri differenti skont iż-żmien Liturġiku tal-Knisja u l-Festi li jiġu ċċelebrati. Kanupew huwa bħal tinda li tgħatti it-Tabernaklu.

 

 

L-Oriġini tal-Kanupew

Nistgħu narawha fil-ktieb tal-Ezodu, madwar 1450 Q.K., meta Alla jordna lil Mose’ jagħmel it-tinda tal-laqgħa. Din kellha diversi taqsimiet u apparat, tinda li kienet jintrama u jizzarma meta l-poplu kien jimxi fid-dezert (nomadu). Iċ-Ċentru ta’ kollox kienet l-arka tal-Patt li kienet fil-parti ta’ ġewwa tat-tabernaklu imsejħa bħal post tal-Qaddis tal-Qaddisin.

Illum f’ċertu Knejjes ghadu jintrama l-Kanupew, bħal Parroċċa tagħna , u kemm it-Tabernaklu kif ukoll il-Kanupew għandhom l-għeruq fl-Antik Testment.

Fil-Parroċċa tagħna saru ukoll numru ta’ trieħi ġodda imżejna bil-bizzilla maħduma bl-idejn u barra minn hekk ġew restawrati sett gandlieri antiki li issa jistgħu jerġgħu jintużaw fil-ġranet tal-Festa Titulari ta’ Kristu Re.

 

Wieħed mill-Kanipewijiet ġodda fil-Parroċċa tagħna

 

 

Il-Pulptu

Il-pulptu huwa biċċa għamara fil-Knisja, post jixbah lil palk f’livell aktar għoli li minnu s-saċerdot ikun jista’ jsemma l-Kelma ta’ Alla jew  jipprietka minn fuqu. Ikun livell ogħla mill-Kongregazzjoni biex ikun jidher aħjar mill-knisja kollha.

L-istorja tal-pulptu taf il-bidu tagħha minn żmien Ċiprijanu li kien isqof ta’ Kartagni, f’ittra li hu kiteb jagħmel l-ewwel referenza għal tip ta’ pulptu, mhux l-istess kif nifhmuh aħna, imma speċi ta’ palk fejn il-kleru kien joqgħod bilqiegħda. Imbagħad fir-raba’ seklu beda jidher l-ambone  (kien ikun bħal mejda żgħira)  fejn tinqara l-Iskrittura u ssir spjega tagħha.

Il-pulptu kif nafuh illum deher għall-ewwel darba fid-disa’ seklu, fejn il-mejda żgħira li llum ħa postu l-ambone, inbidel f’għamara li titqiegħed f’naħa tal-Knisja u li tkun elevata mill-post fejn ikunu in-nies, biex ikun jista’ jidher sew minn kulħadd. Maż-żmien imma l-pulptu ma baqax jaqdi l-funzjonijiet tiegħu bħal qabel, imma sar bħal oġġett ta’ ammirazzjoni u li jintuża (f’ħafna parroċċi) darba fis-sena biex il-predikatur jfaħħar il-Patrun tal-lokalità fil-jum tal-Festa.

Iż-żmien ibiddel ukoll ħafna użanzi, u dan mhux ħażin meta l-bidla ssir għall-ġid tal-komunità. Illum, saħansitra uħud mis-saċerdoti qegħdin iħallu l-ambone u jmorru lura lejn użanza antika li jinżlu qalb il-poplu u jaqsmu l-Kelma t’Alla qrib tiegħu. 

Meta l-Knisja tagħna kienet għadha ddedikata lil Sant’Ubaldeska, qaddisa tal-Ordni tal-Kavallieri minn Pisa, il-poplu Pawlist ħass il-bżonn li jkollu pulptu huwa ukoll bħalma kellhom il-biċċa l-kbira tal-parroċċi l-oħra aktar qodma minn tagħna biex minn fuqu jsiru l-paniġierki, li dak iż-żmien tant kienu popolari.

Xbieha tal-Qalb ta’ Ġesu’ fuq il-Pulptu

 

Minn tagħrif li għandna, f’April 1919 kien beda x-xogħol fuqu minn Tommasso Aquilina li kien qed jagħmel kollox b’mod volontarju. Wara, ingħaqdu wkoll miegħu Salvatore Theuma, Leone Bugeja, Francesco Aquilina, u Vincenzo u Lorenzo Saliba.  Dan kien fi żmien Dun Nerik Bonnici li serva bħala kappillan bejn is-snin 1917 u l-1921.

Fil-Ħdud beda jsir ġbir għal dan il-proġett biex jinxtara l-injam, u f’April 1919 id-disinn tal-pulptu kien esebit fil-bieb tal-Knisja Parrokjali ta’ Sant’Ubaldeska biex il-parruċċani jkunu jistgħu jarawh. Il-flus għalih bdew deħlin tajjeb u f’sitt xhur (Lulju 1918 u Jannar 1919) is-somma miġbura kienet ta’ €42.11s 10d u ġew depożitati biex jingħata l-imgħax  fuqhom. Parti minnu kellu jiżżanżan għall-Festa Titulari tal-Qalb ta’ Ġesù. Fil-fatt, fuq quddiem tal-pulptu hemm ix-xbiha tal-Qalb ta’ Ġesù, l-Ewwel Titular ta’ Casal Paola.

Illum, kważi mitt sena wara, dan il-pulptu ġie restawrat. Għamel żmien twil mitluq u abbandunat. Kien ħasra li parti mill-Istorja tagħna kienet mitluqa u li ftit ftit maż-żmien kienet qiegħda tintilef. Bit-tħabrik kbir tal-Kappillan Dun Marc Andre Camilleri, daħal għal dan ix-xogħol kbir u li joffri sfida, is-Sur Mario Vella, restawratur. Fi ftit xhur dan ix-xogħol kien lest u komplut. Maż-żmien partijiet minnu tkissru jew intilfu u kellhom jerġgħu jsiru mill-ġdid. It-taraġ li kellu reġa’ ġie rranġat u sarlu puġġaman ġdid. Is-salib li kellu ma nstabx, għalhekk sarlu salib ġdid interzjat mis-Sur Mario Vella u fuqu tpoġġa korp antik li ġie rregalat lill-Parroċċa mis-Sur John Caruana.

Illum din l-Opra artistika reġgħet sabet postha fil-Korsija tal-Knisja Parrokjali ta’ Kristu Re. Dak li l-Pawlisti kienu kburin bih għax sar minnhom stess, illum aħna rġajna kburin bih li sab postu f’post ċentrali fit-tempju Maestuż tagħna, u jkun jista’ jintuża f’okkażjonijiet speċjali.

 

Aktar restawr

Dak li għandna, għandna dmir nirrestawrawh biex jibqa’ jitgawda u ngħadduh  lil uliedna aħjar milli ġie f’idejna, u jekk nistgħu nagħtuhom ukoll opri ġodda. Oġġett li jkun għadda minn fuqu ċertu snin, tibża’ kemm tibża’ għalih xorta jiġrilu xi ħsarat li jekk ma tiħux ħsiebu jista’ jintilef.

Forsi waħda mill-opri għal qalbna hi l-istatwa artistika ta’ Karlu Darmanin maħduma fl-1900 u li tirrapreżenta lil Sant’Ubaldeska, qaddisa tal-Ordni.  Din ġiet restawrata u issa qed issebbaħ lill-Knisja tagħna. Ħaġa storika din is-sena kienet li wara 105 snin, din l-Istatwa reġgħet ħarġet proċessjonalment mat-toroq ta’ Raħal Ġdid mill-Knisja Parrokjali sal-Knisja ddedikata lilha nhar il-Festa tagħha fit-28 ta’ Mejju.

Statwa oħra żgħira imma ħelwa hi dik ta’ San Alwiġi Gonzaga li huwa l-Patrun tat-tfal u ż-żgħażagħ. Din l-istatwa kienet fil-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska u maż-żmien ġratilha ħafna ħsara. Din is-sena ġiet restawrata mis-Sur Shaun Saliba u ntużat f’Purċissjoni għall-ewwel darba dakinhar tal-Ewwel Tqarbina tat-Tfal.

 

 

Santa Ubaldeska                                   San Alwigi Gonzaga

Pavaljuni tad-Damask

Beda x-xogħol fuq Pavaljuni tad-Damask li din is-sena qed ingawdu uħud minnhom.  Dawn il-Pavaljuni tad-Damask setgħu jsiru issa li l-Kor hu komplut bl-induratura, żebgħa u dekorazzjonijiet oħra.  Il-Pavaljuni saru u żejnu b’mod mill-isbaħ l-arkati tal-Kor. Il-ħsieb hu li sas-sena d-dieħla il-Pavaljuni tad-Damask ikunu lesti kollha. Biex id-damask ikun jaqbel, inxtara l-ammont kollu li ser ikun hemm bżonn biex isiru l-arkati kollha tal-Knisja. Meta l-proġett tal-Korsija ikun lest kollu, dan se jkun xogħol mill-isbaħ. Il-ħjata tagħhom u x-xogħol li jirrikjedi qed issiru mis-Sur Salvu Gilson li qed jaħdem bla waqfien biex ikunu lesti f’qasir żmien u jkun proġett komplut li b’hekk isebbaħ aktar il-Knisja tagħna, proġett li ilu ħafna mixtieq u din is-sena qed naraw li din il-ħolma qed issir realtà. L-ammont ta’ pavaljuni biex idawwru l-Knisja kollha hemm bzonn ta’ tmintax kbar u sebgħa oħra ftit izgħar. Issa b’hekk nistgħaw ngħidu li l-Knisja tista tintrama għal Festa.

 

Wieħed mill-pavaljuni armat fil-Kor tal-Knisja Parrokjali

 

 

 

 

 

 

 

 

Dekorazzjoni u tisbiħ tal-Korsija

It-tisbiħ tal-Knisja Parrokjali minn Jannar ta’ din is-sena daħal f’fażi oħra interessanti,  inbeda ix-xogħol fil-Korsija. Wara li tlestew l-bustijiet tal-Appostli fil-Kor, issa baqa’ tmienja oħra tul il-Korsija, erbgħa kull naħa.

 

Jinbeda ix-xogħol fil-Korsija                                                                   L-Indaratura fil-Knisja Parrokjali

 

L-ewwel wieħed li sar fil-Korsija u li jista jitgawda huwa ta’ Sant’Andrija, Appostlu u sajjied minn Betsajda, ħu San Pietru li ukoll għandna bust tiegħu fil-Kor,  xogħol tal-Iskultur Laurence Attard li diġà wera l-ħila artistika tiegħu fix-xogħol li għamel qabel għal Parroċċa tagħna. Dawn il-bustijiet huma maħduma bl-istucco, taħlita ta’ ġibs.  Dan ix-xogħol jibda billi l-ewwel issir l-abbozz bil-qisien eżatti fuq skala żgħira u minn fuqu jsir qafas tal-qasab. Minn hawn jibda x-xogħol propju fil-post. Jibda jintgħaġen l-istucco u skont l-abbozz jitpoġġa mal-qasab u ftit ftit jibda jieħu l-forma. Dan ix-xogħol kollu jsir fil-post stess. L-ebda parti mill-bust ma tittella’ lesta, imma x-xogħol kollu jsir hemm u ftit ftit jibda jinbena l-bust. Tassew huwa xogħol ta’ arti li qed jagħmel ġieħ lit-Tempju tagħna.

 

 

 L-Abbozz ta’ Sant’Andrija                                               Waqt ix-xoghol tal-Bust ta’ Sant’Andrija

 

L-induratura qiegħda ssir mis-Sur John Pace b’disinn li jmur tajjeb mal-Knisja tagħna u li qed jitkompla fuq dak li diġà hemm f’partijiet oħra tat-tempju. Ix-xogħol kollu li qed isir fil-Knisja hu mill-aqwa, iżda l-induratura qed tgħaqqad dan ix-xogħol flimkien bil-ħidma ta’ artisti Maltin. Id-deheb użat fid-dekorazzjoni tal-knisja huwa ta’ 21 karat.

Ħaġa interessanti hu d-disinn li bħalissa qed isir fuq il-friż, li jdawwar bħal ċinturin id-dawra kollha tal-Knisja. Ix-xogħol ta’ disinn tal-friż li bħalissa qed isir fil-Knisja huwa fuq disinn sabiħ  tas-Sur Redrian Micallef, artist bravu Pawlist li issa għandu xogħlu fil-Knisja Parrokjali tagħna. Ix-xogħol fil-post qed isir mis-Sur John Pace, induratur , li ħadem ħafna fil-Parroċċa tagħna. Dan id-disinn fil-kor qed jagħtih dehra isbaħ, u fi ftit xhur oħra tkun lesta d-dawra tal-Knisja kollha. Is-Sur Pace u l-artist Lawrence Attard qed jieħdu ħsieb li jagħmlu d-dellijiet u tqassim ta dan id-disinn.

 

Il-Friz li jdawwar il-Knisja kollha qed jiġi iddekorat b’disinn mill-isbaħ

Restawr estensiv fuq Kristu Re ta’ Antonio Farrugia

70 Sena ingawduh fostna

La qegħdin fil-Festa Titulari ta’ Kristu Re ma nistgħux ma nsemmux lil Kristu Re li għalina l-Pawlisti għandu storja kbira Din is-sena qegħdin infakkru ukoll is-Sebgħin Sena minn meta nħadem minn Antonio Farrugia. Għalina huwa storiku minħabba li meta konna zgħar konna inħarsu lejh bħala l-istatwa Titulari għax fil-jiem tal-Festa kien ikun armat fil-Knisja Parrokjali. Minn meta sar fl-1945 sakemm kien ikun esebit fil-Knisja Parrokjali fiż-żmien tal-Festa kienu sarulu diversi modifikazzjonijiet. Meta sar oriġinarjament kien liebes bħala Saċerdot, iżda wara xi żmien tneħħew l-abiti sagri u tlibbes ta’ Re bil-mantell u wara xi snin kien reġa’ ntmess.

Kristu Re liebes ta’ Re u Saċerdot kif kien 70 Sena ilu

 

Din l-Istatwa kienet saret biex tintuża għall-Marċ Tradizzjonali tal-aħħar jum tat-Tridu   .... il-marċ tal-Ġimgħa. Minħabba li l-Festa kienet issir f’Ottubru kien ikun żmien tax-xita allura ma kinitx l-ewwel darba li jieħu tixriba. Minn informazzjoni li ġbart minn nies li jiftakruh jiġi inawgurat jgħidu li l-ewwel darba li ġie mżanżan għamlet ħalba xita tajba u peress li maħdum fil-Kartapesta ċeda minn saqajh u kellhom jagħmlulu bażi bil-konkrit sakemm nixef u niżżluh. L-Ewwel darba li kien itella fuq il-Kollonna ma kienx f’nofs il-Pjazza imma fil-bidu ta’ Triq il-Knisja. Imbagħad fl-1978 saret oħra ġdida minn Alfred Camilleri Cauchi li ħadet post dik ta’ Antonio Farrugia wara 33 sena u minn 1979 sal-1999 dan baqa’ jintrama taħt l-arkati fil-Knisja Parrokjali fil-Korsija imdawwar bil-Bukketti tal-Festa u x-xema’ sakemm waslet il-Vara Titulari fl-1999.

Kristu Re armat fil-korsija fil-ġimgħa tal-Festa Titulari

Illum qed infakkru s-70 Sena minn meta inħadem minn Antonio Farrugia. Illum l-istatwa reġgħet ġiet restawrata fl-istat oriġinali tagħha u qegħdin ingawduha eżatt kif gawdewha sebgħin sena ilu. Ġie irrestawrata minn Andrew Bugeja u reġa’ ppreżenta lil Kristu bħala Re u Saċerdot kif kien fil-bidu. (Għal artiklu sħiħ dwar din l-Istatwa akkwista kopja tal-Ktieb tal-Festa maħruġ mill-Knisja Parrokjali ta’ Kristu Re ta’ din is-sena.) 

 

Waqt ir-restawr ta’ Kristu Re

 

Din l-Istatwa kienet saret propju biex tintuża għal waqt il-Marċ u din is-sena ser nerġgħu ngawduha  minħabba li ser titla’ fi tmiem il-Marċ tat-Tlieta wara kważi erbgħin sena ma tintuża waqt il-Festa tal-Patrun.

“Issellifnieh mingħand uliedna”

Naħseb li ħafna dilettanti tal-Festi u ta’ affarijiet reliġjużi, jibqgħu impressjonati b’dak kollu li sar f’perjodu ta’ ftit snin. Min jiftakar il-Knisja Parrokjali għaxar snin ilu, żgur ma kienx isib dak li għandna illum. Dan kollu sar bl-għajnuna t’Alla u bis-saħħa u bil-ġenerożità tal-parruċċani u nies li ħabbew lil dan it-Tempju, il-kappillani ħabrieka li kellna, mhux l-inqas il-Kappillan preżenti Dun Marc Andre Camilleri.

Dan il-proverbju antik Kenjan, għalkemm jitkellem fuq l-ambjent naturali, jgħodd ħafna għalina:  It was not given to you by your parents, it was loaned to you by your children. We do not inherit it  from our ancestors, we borrow it from our children.”

 

Għal aktar informazzjoni dwar dak kollu li jissemma f’dan l-artiklu, b’ħafna ritratti u aktar informazzjoni dwar il-Parroċċa kif ukoll dwar dak kollu li jifforma l-Casal Paola idħlu fis-sit ta’ Raħal Ġdid: www.rahalgdid.com

Is-sit ta’ Raħal Ġdid qed jiġi aġġornat spiss, speċjalment fil-ġimgħa tal-Festa fejn dan jiġi aġġornat kuljum.