NUMRUSEI

"It-tagħlim it-tajjeb hu l-għajn ta' kull ġid." - San Ġorġ Preca

Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika fuql-imħabba fil-familja, Il-Ferħ tal-Imħabba

10. “FEJN HUMA L-ULIED?”

 Fil-qalba tal-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia, il-Papa Franġisku jagħti importanza lill-edukazzjoni tal-ulied fil-familja. Jistaqsi: “Fejn huma l-ulied?” Mhux qed jifhem fejn qegħdin it-tfal dal-ħin fiżikament, imma fejn qegħdin f’dak li jemmnu, fix-xewqat tagħhom u fl-iskop ta’ ħajjithom. Il-Papa jiftaħ din il-mistoqsija bl-eżempji: “Qed infittxu li nifhmu fejn uliedna waslu tabilħaqq fil-mixja tagħhom fil-ħajja? Nafu fejn qiegħda tassew qalbhom? Min huma dawk li qed joffrulhom divertiment u rikreazzjoni, li qed jidħlu fil-kamra tagħhom fuq l-iskrins elettroniċi? Min huma dawk li qed nafdaw f’idejhom biex imexxu lil uliedna fil-ħin liberu tagħhom?”

 Għalkemm il-ġenituri jsibu għajnuna għall-edukazzjoni ta’ wliedhom fl-iskola u f’ambjenti oħra, qatt ma jistgħu jiddelegaw lil ħaddieħor l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Iridu jsibu l-ħin biex jgħadduh ma’ wliedhom, ikellmuhom b’sempliċità u b’imħabba fuq il-ħwejjeġ importanti u joħolqulhom possibilitajiet tajbin biex jimlew il-ħin tagħhom. B’hekk jgħinu biex jevitawlhom l-invażjoni ta’ madwarhom, li qed twassal għal ħafna ħsara. Fil ħin li jiddedikaw għal uliedhom, ifittxu li  jgħinuhom jaffrontaw it-tħajjir għal dak li hu ħażin, għall-vjolenza, għall-abbuż u għall-vizzji bħal ma hi d-droga.

 Il-ġenituri iridu jifhmu li ma jistax ikollhom kontroll il-ħin kollu fuq uliedhom, lanqas jekk jagħmlu minn kollox biex jaslu għal dan. Mhemmx għalfejn ikunu ffissati li jkunu jafu fejn qegħdin uliedhom u ma’ min qegħdin. Bi protezzjoni żejda ma jkunux qed jagħtuhom edukazzjoni soda, għax mhux qed iħejjuhom għall-isfidi li se jkollhom jaffrontaw. Aħjar li, minflok din il-protezzjoni, jiggwidawhom ħalli jiddefendu ruħhom b’intelliġenza u b’għaqal, l-aktar għal meta se jsibu ruħhom f’ċirkustanzi ibsin. Dak li jeħtieġu l-ulied hi mħabba mill-ġenituri u xhieda eżemplari, li tnissel rispett li joħroġ mill-mħabba.

 Jiġri li xi wlied ma jibqgħux iħossuhom milqugħa fil-familja kif kienu qabel u li m’għadhomx il-għożża tal-ġenituri. Dan joħolqilhom diffikultà f’età li fiha tant jeħtieġu l-appoġġ tal-ġenituri. Nuqqas ta’ attenzjoni jnissel fl-ulied għafsa ta’ qalb iktar minn korrezzjoni għall-ġid li l-ulied jistgħu jirċievu minħabba xi ħaġa ħażina li jkunu għamlu.

 Hemm bżonn li l-ġenituri jxettlu f’uliedhom id-drawwiet tajba li trabbew fihom huma u jgħaddulhom valuri pożittivi. Ngħidu aħna, jekk għal ħafna żmien l-ulied ma jidrawx jgħidu “jekk jogħġbok’, “ippermettili”, “grazzi”, “skużani”, aktar ’il quddiem l-imġiba tagħhom mhix se tkun kif nixtiequ. Importanti wkoll li t-tifel jew tifla jifhmu l-konsegwenzi ta’ dak li jkunu għamlu ħażin, li jitolbu maħfra u jsewwu l-ħsara li jkunu għamlu fuq ħaddieħor. Fuq kollox, il-familja trid tkun dak in-nukleju fejn tiġi trasmessa l-fidi li l-ġenituri diġà qed jgħixu.

Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika fuq l-imħabba fil-familja, Il-Ferħ tal-Imħabba

 9. L-EWWEL SNIN TAŻ-ŻWIEĠ

 Is-sens taż-żwieġ hu li raġel u mara jagħżlu lil xulxin għax jinħabbu. Meta l-imħabba tkun biss affettiva, mibnija fuq il-ġibda naturali, x’aktarx li twassal għal kriżi. Spiss jiġri li l-valur taż-żwieġ ma jiġix apprezzat fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa, forsi għax żmien l-għerusija ma jkunx wassal għall-iskop tiegħu billi jkunu għaġġlu d-deċiżjoni tagħhom biex jiżżewġu, meta ma kinux maturi biżżejjed.

 Maż-żwieġ, ir-raġel u l-mara jsiru l-protagonisti u s-sidien tal-istorja tagħhom, fi proġett li se jmexxu ’l quddiem flimkien. Ħadd m’għandu jippretendi mill-parti l-oħra li tkun perfetta, u lanqas m’għandhom iħarsu lejn xulxin bi kritika, imma jġibu ruħhom bis-sabar, bil-ftehim u bil-ġenerożità. Inkella jiġri li, minflok l-imħabba, tidħol bil-mod il-mod ħarsa suspettuża li tikkontrolla l-merti u d-drittijiet ta’ wieħed jew waħda minnhom. Għalhekk jiswa ta’ ġid meta joqogħdu bilqiegħda ħdejn xulxin u jiddjalogaw biex jelaboraw il-proġett tagħhom u jaraw b’dettall dak li għandhom bżonn biex iwettquh.

 Waħda mill-kawżi ta’ tifrik fiż-żwieġ hi li nistennew affarijiet kbar wisq mill-ħajja miżżewġa. Meta niskopru r-realtà, li hemm limiti f’dak li jista’ jagħtina ż-żwieġ u li fih iżjed problemi milli nkunu ħlomna, is-soluzzjoni ma tkunx li naħsbu kif se ninfirdu. Niftakru li ż-żwieġ hu mixja lejn il-maturità, u l-vokazzjoni tal-koppja hi li jkunu għodda f’idejn Alla biex jikbru dejjem aktar fl-imħabba ta’ xulxin.

 Hija ħasra meta l-ħajja tal-imħabba tistaġna prorprju fl-ewwel snin. Biex dan ma jsirx, għajnejn il-miżżewġin iridu jibqgħu juru l-istagħġib u t-tama għal dak li daħlu għalih. Hija t-tama fil-ġejjieni li tgħinna nħarsu lil hemm mill-kuntrarju, mit-tilwim u mill-affarijiet tal-mument li jinqalgħu. It-tama tistedinna ngħixu l-preżent fil-milja tiegħu u ningħataw b’qalbna kollha għall-ħajja fil-familja, għax l-aħjar mod kif tħejji għall-futur hu li tgħix tajjeb il-preżent.

 L-ewwel snin taż-żwieġ iġibu magħhom mumenti li jitolbuna nuru ġenerożità lejn xulxin. Dak li beda mill-ġibda tas-sensi, jgħaddina biex nibdew inħossu lill-persuna l-oħra bħala parti minn ħajjitna. Dan ifisser il-gost li nsibu f’li nkunu ta’ xulxin, meta nsibu l-ferħ tagħna f’dak ta’ flimkien iktar mill-ħtiġijiet personali tagħna u nifirħu naraw iż-żwieġ tagħna bħala ġid għas-soċjetà.

 Irridu nitgħallmu wkoll ninnegozjaw, mhux fis-sens ta’ logħba kummerċjali u għall-gwadann tagħna personali, imma fis-sens li ħajjitna tkun nisġa ta’ ċaħdiet personali u offerti lil xulxin. Fid-dar, id-deċiżjonijiet ma jridux jittieħdu min-naħa waħda, imma b’responsabbiltà tat-tnejn. F’kull mument ġdid tal-ħajja miżżewġa, irridu nerġgħu npoġġu bilqiegħda u ninnegozjaw mill-ġdid il-ftehim, biex ma jkunx hemm rebbieħa u telliefa, imma jirbaħ kulħadd.

Ftit noti dwar il-Quddiesa

1. GĦARKUPPTEJNA JEW BILWIEQFA WAQT IL-KONSAGRAZZJONI

Skont ir-regoli tal-Missal Ruman, dawk li jkunu għall-Quddiesa għandhom jinżlu għarkupptejhom fil-konsagrazzjoni, sakemm jifilħu u meta l-post jippermetti. Dawk li jkunu bilwieqfa għandhom jagħmlu inkin profound waqt li s-saċerdot jagħmel reverenza wara l-Konsagrazzjoni. Il-Knisja tistedinna biex nibqgħu għarkupptejna waqt il-ħin kollu tal-konsagrazzjoni u nqumu wara t-tweġiba: “Inħabbru l-mewt tiegħek…”

2. T-TISLIMA TAL-PAĊI

Dwar is-sinjal tal-paċi li nagħtu lil xulxin fil-Quddiesa, il-Papa Benedittu XVI jgħid li rridu nimmoderaw dan nil-ġest li jista’ jieħu l-forma ta’ espressjoni esaġerata u jqajjem xi ftit tal-konfużjoni fost il-ġemgħa fil-knisja proprju qabel it-Tqarbin. Il-kardinal Cañizares, afdat mill-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-dixxiplina tas-Sagramenti, jgħid li t-tislima mhix obbligatorja hekk li l-istedina għall-paċi m’għandhiex tkun awtomatika. Fejn il-paċi ma sssirx b’mod serju jkun aħjar li ma tingħatax.

 3. MHEMMX ‘AMMEN’ FIL-'MISSIERNA'

 Ir-regola ġenerali biex nagħlqu talba b’mod korrett hi li nlissnu l-kelma ‘ammen’. Mela għaliex m’għandniex inlissnuha fl-aħħar tal-Missierna waqt il-Quddiesa? ‘Ammen’, kelma Ebrajka li aħna nittraduċuha ‘hekk ikun’, ma ngħiduhiex fil-Missierna tal-Quddiesa sempliċiment għax it-talba ma tkunx spiċċat. Wara li l-ġemgħa fil-knisja tgħid: “iżda eħlisna mid-deni”, minflok ma tingħad l-“ammen”, is-saċerdot jagħmel it-talba lil Alla l-Missier: “Eħlisna nitolbuk, Mulej, minn kull deni…” Dwar il-Missierna wkoll, is-saċerdot biss għandu jitlob b’dirgħajh miftħa. Hi regola ġenerali fil-kanoni tal-Knisja li l-azzjonijiet tas-saċerdot m’għandhomx isiru mill-assemblea.

 4. “MA KRISTU, FI KRISTU U BI KRISTU…”

 Hemm talbiet li jgħidhom is-saċerdot biss, bħad-dossoloġija: “Bi Kristu, ma Kristu u fi Kristu…” Anke jekk iċ-ċelebrant jistedinna “flimkien”, aħna rridu nibqgħu fis-skiet, kif inkunu, u nwieġbu b’mod solenni: “Ammen”. Lanqas m’għandna ngħidu t-talba tal-paċi: “Sinjur Gesu Kristu, li għedt lill-Appostli…” Hu s-saċerdot waħdu li jagħmel din it-talba.

Waqt il-Quddiesa rridu nagħmlu distinzjoni bejn ir-rwol tas-saċerdot u dak tal-lajk.

5. IS-SAWMA QABEL IT-TQARBIN

Siegħa qabel il-ħin tat-Tqarbin, aħna obbligati li nagħmlu sawma mill-ikel u mix-xorb, imma l-ilma u l-mediċini huma permessi. Meta nimxu ma’ din ir-regola nkunu qed nagħtu rispett profond lejn l-Ewkaristija u nuru li nemmnu fil-preżenza reali ta’ Kristu. Is-sawma turi wkoll id-dispożizzjoni tagħna biex nitħejjew tajjeb għat-Tqarbin.


____________________



Rajt riklam ta’ libsa ta’ tifel għall-okkażjoni tal-Griżma tal-Isqof. Kmieni għal fejn il-Griżma ssir f’Novembru! Mhux dan l-importanti. L-importanti hu li t-tfal ikunu mħejjija tajjeb għal dan is-Sagrament, billi jattendu għall-formazzjoni nisranija u jkollhom eżempju tajjeb kontinwu mill-familja tagħhom. Ma ninsewx li waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma, il-Kappillan/Arċipriet irid jiddikjara lill-Arċisqof jew id-Delegat tiegħu li tifel/tifla huma preparati biex jirċievu dan is-sagrament. Jekk it-tfal u l-ġenituri mhumiex interessati fir-reliġjon, il-Griżma se tkun għalihom sempliċiment okkażjoni soċjali.


Din paġna mill-ktieb għat-tfal "QABEL NORQOD". 45 storja b'talba u tpenġija għal kull storja. Ideali għal dan iż-żmien tas-sajf. (tel. 79595312)

30 IL-BAĦAR

Jiena nħobbu ħafna l-baħar. Fis-sajf, il-mamà u l-papà jeħduna l-baħar biex ngħumu, u nieħdu pjaċir. Nieħdu magħna l-ikel u l-frott, u ngħaddu ġurnata sħiħa ħdejn il-baħar, ngħumu, nistadu, nilagħbu, nagħmlu xi kastell bir-ramel. Avolja tkun ħafna xemx.

Fix-xitwa ġieli mmorru wkoll ħdejn il-baħar, u noqogħdu nħarsu lejh, narawh imqalleb, mewġa wara l-oħra. Ma ninżlux ngħumu għax ikun il-bard. Imma xorta waħda nieħdu pjaċir. Meta nkun fuq ir-ramel inħares lejn il-baħar, nara kemm hu kbir. Fih joqogħdu vapuri kbar, u d-dgħajjes jidhru qishom tikek tal-lapes, daqskemm il-baħar huwa kbir. Idumu ħafna biex jaslu n-naħa l-oħra.

Kien il-Mulej Alla li għamel il-baħar; lid-dinja għamlilha ħafna baħar. Fil-baħar għamel il-ħut, biex in-nies ikunu jistgħu jistadu għalihom, imbagħad isajruhom u jikluhom.

Lil dawk li jkunu fuq il-baħar, is-sajjieda u l-baħrin, nixtieq li xejn ma jiġrilhom meta l-baħar ma jkunx kwiet għax tkun ix-xita u ħafna riħ. Il-Mulej jieħu ħsieb ukoll it-tfal żgħar li jersqu lejn il-baħar weħidhom, biex ma jaqgħux ġo fih. Filwaqt li nħobbu l-affarijiet sbieħ li tana l-Mulej, inridu noqogħdu attenti minnhom ukoll, meta jkunu goffi magħna ċ-ċkejknin.

Meta nkun ħdejn il-baħar, meta nara stampa tal-baħar, jew niftakar fil-baħar, noqgħod nitlob waħdi:

Kemm hu kbir u sabiħ Alla li għamel dan il-baħar kbir! Mulej, ħudilna ħsiebu l-baħar; tħallihx jinkorla ħafna, żommu kwiet u sabiħ. Grazzi, Mulej, talli għamiltilna l-baħar blu, kbir u sabiħ. Għinna nżommuh nadif bħalma tajthulna int.

SAN GEJTANU, TLIET EPISODJI

Tliet playlets mill-ħajja ta’ San Gejtanu

Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-ġranet tas-sajf xi parroċċi jorganizzaw quddiesa għat-tfal. Idea tajba hi li t-tfal ikollhom sehem attiv, ngħidu aħna bi playlet bħal dawn, f’dan il-każ qrib il-festa ta’ San Gejtanu. Ftit jafu l-ħajja ta' San Gejtanu, għalhekk dawn il-plays żgħar jistgħu jgħinu biex insiru nafu xi episodji mill-ħajja ta’ da nil-qaddis u naraw kemm kellu valuri sbieħ.


Playlet 1

FJURI FIL-BASKET

(Gejtanu għandu basket kbir f’idu. Iżommha b’mod li tidher tqil. Jagħti l-impressjoni li ħareġ mill-bieb tad-dar b’mod li ma jħalli lil ħadd jarah. Aħjar ma jkunx hemm ħafna dawl biex jidher li hu filgħaxija. Fuq naħa jkun hemm iż-żiju ta’ Gejtanu, rieqed bil-qiegħda imma jqum x’ħin jisma l-passi ta’ Gejtanu, mingħajr ma juri lil Gejtanu.)

Ziju:        (waħdu) Dal-ħin!... Dat-tifel fejn sejjer? Imissu ilu li raqad.

(Gejtanu jgħaddi minn quddiem iz-ziju mingħalih li ma ndunax bih. Kif Gejtanu jgħaddi minn ħdejn iz-ziju, dan jaqbdu minn idejh.)

Gejtanu:          X’qatgħa tajtni, zi! Ħsibtek rieqed!

Ziju:        Gejtanu, tista’ tgħidli fejn sejjer f’dal-ħin?

Gejtanu: Ma kellix ngħas, u ftakart li m’hemmx fjuri quddiem il-Madonna li hawn fil-kantuniera.

Ziju:        Fjuri? Jidher li dak il-basket tqil! Ħa nara x’fih!

Gejtanu: Inti daqsxejn kurjuż! Qed ngħidlek, fjuri fih! Fjuri biss.

Ziju:        Imma m’inix inxomm ir-riħa tal-fjuri. Din riħa ta’ ikel!

Gejtanu: Qed ixxomm ħażin!

(Iz-ziju juri li qed ixomm dak li hemm fil-basket.)

Ziju:        Qbadtek. Dak sehmek u se tgħaddih lill-foqra t’hawn wara. Kemm inti ta’ qalb tajba! Imma sakemm tasal attent minn fejn tgħaddi.

Gejtanu: Ziju, qed ngħidlek dawn fjuri. Ara kif inhuma fjuri!...

(Gejtanu jiftaħ il-basket u joħroġ minnhom bukkett fjuri kbir u sabiħ. Iressaqhom lejn i-ziju li jgħannqu miegħu bil-fjuri b’kollox.)


Playlet 2

DAR SINJURA WISQ

(Bilqiegħda fuq siġġu sabiħ hemm il-konti ta’ Oppido, liebes ta’ sinjur. Jersaq lejh il-kjeriku Gejtanu. Il-konti iqum u jieħu lil Gejtanu minn idejh u jimxu ftit.)

 Konti:     Għażiż Gejtanu, naf li hawn ġo Napli m’għandkomx fejn toqogħdu.

 Gejtanu:  Iva, s’issa għadna ma sibniex.

 Konti:     Imma xtaqt li nagħtik aħbar tajba. Toqogħdu fid-dar tiegħi.

 Gejtanu:  Inti qalbek tajba wisq. Diġa’ tajtna biċċa art biex naħdmu fiha.

 Konti:     Imma tridu x’imkien fejn torqdu!

 Gejtanu:  Le! Le!... Nirringrazzjak ta’ din l-istedina, imma nixtiequ li noqogħdu x’imkien ifqar milli fid-dar ta’ konti bħalek.

 Konti:     Imma qed noffrilkom jiena,… minn qalbi.

 Gejtanu:  Tibżax, xorta waħda għandek mertu quddiem Alla.

               (Il-konti jitfantas u jersaq lejn żewġ saċerdoti lebsin pulit.)

 Konti:     Reverendu, tagħmluli favur jekk trattbu dik ir-ras iebsa ta’ Gejtanu ħalli jaċċetta li jiġi fid-dar tiegħi. Jagħmilli unur!

               (Iż-żewġ saċerdoti jersqu lejn Gejtanu)

 Saċerdot:        Gejtanu, m’intix tagħmel sew li titlob lil Alla jgħinek u ma tħallix lin-nies jgħinuk. Alla mhux se jagħmel mirakli għalik kull darba!

  Gejtanu:  Il-faqar tiegħi mhuwiex għax jien prużuntuż. Xejn minn dan! Il-Knisja taf bija u kif qiegħed nafda kollox f’idejn Alla. Dejjem ħa ħsiebna, anke meta f’Venezja kien hemm il-ġugħ.

  Saċerdot:        Imma hawn m’aħniex ġo Venezja. F’Napli qegħdin, u n-nies ta’ Napli mhumiex daqshekk galantomi.

  Gejtanu: (filwaqt li jimxu flimkien, u jgħaddu minn ħdejn il-konti, li jibqa’ bilqiegħda)

                 Jista’ jkun, imma tinsewx li Alla ta’ Napli hu l-istess Alla ta’ Venezja.

 

Playlet 3

Il-BANK TA’ NAPLI

(Raġel liebes fqir, bil-qiegħda b’rasu baxxuta bejn idejh. Jidher inkwetat. Jiġi lejh raġel mgħaġġel b’karti f’idejh.)

 Bankier:    Ara meta se tħallas, għax se tispiċċa ħażin.

 Fqir:          M’għandix minn fejn.

 Bankier:    Mela għaliex issellift, la kont taf li mhux se tasal?

 Fqir:          Ma kontx naf li se jitla’ daqshekk imgħax.

 Bankier:    Hekk jonqos, insellfu l-flus mill-bank, u ma nitħallsux imgħax tajjeb!

 Fqir:          Agħtini ftit żmien ieħor.

 Bankier:    Ma nagħtik żmien xejn! Nitfgħak il-ħabs!

 (Gejtanu jkun qed jisma’ kollox, u jersaq lejn iż-żewġt irġiel.)

 Gejtanu:   Sinjur, nagħtik kelma li niġbor il-flus li inti qed titlob lil dan l-imsejken. Sa ġimgħa oħra jkunu għandek.

(Il-bankier jgħaffeġ l-karti u jitlaq bil-herra)

 Gejtanu:   (lill-fqir) Ħabib, mur id-dar bil-kwiet. Anzi l-istorja tiegħek se tkun il-bidu ta’ bank ieħor; bank li jsellef lill-foqra u ma jiħux imgħax.

 Fqir:          Tajba l-idea!

 Gejtanu:   U nsemmuh Monte di Pieta’, jiġifieri il-Bank tgal-Ħniena. Nafda f’Alla li dan il-bank jirnexxi, u ‘l quddiem għad ikun il-Bank ta’ Napli!

PRINĊIPJI MORALI

Ma jinħafirx id-dnub jekk ma jintraddx dak li ġie misruq.

Ħadd mhu obbligat għall-impossibli.

Dak li hu tajjeb nagħmluh, dak li hu ħażin naħarbuh.

Ma tistax tinqeda bi ħwejjeġ ħżiena biex tagħmel il-ġid.

Tant wieħed isir ħati ta’ ħażen daqskemm ikun fehem ħażen.

Fil-bżonn tal-aħħarnett, il-ħwejjeġ kollha jsiru komuni.

Qabel kull azzjoni timxi dejjem kuxjenza ċerta.   

Dak li trid u ma tistax jingħaddlek magħmul.

Dak li ma tridx lilek tagħmlux lil għajrek.

Min jiskot jidher japprova.

Kliem il-liġi jittieħed kif idoqq.

Min japprova dnub isir ħati tal-istess dnub.

Ħaġa ta’ ħaddieħor tista ssir tiegħi; għemil ta’ haddieħor ma jistax isir tiegħi.

Ħadd ma jista’ jistagħna bil-ġid ta’ ħaddieħor.

Il-fini ma jiġġustifikax il-mezzi.

L-oġġett jgħajjat għal sidu.

 

It-tfal fil-festa

Hi ħaġa sabiħa li fil-ġranet tal-festa l-ġenituri jgħinu lit-tfal biex jieħdu sehem, imqar darba jew għal ftit ħin, f’dak li jkun qed isir fil-knisja. Il-knisja tkun imżejna għall-festa u jkun hemm gost tassew. Sinjal sabiħ li f'xi parroċċi jkun hemm numru ta’ abbatinim, imma mhux biss, għax tfal oħra għandhom jiġu mħajra wkoll u jingħataw sehem.



It-tbissima hi espressjoni ta’ ferħ.
Illum, nipprova nitbissem lil dawk kollha li niltaqa’ magħhom;
u għaliex nagħmel hekk? Għaliex Ġesù hu miegħi.



Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika fuq l-imħabba fil-familja, Il-Ferħ tal-Imħabba

It-tmien parti

 TĦEJJIJA XIERQA GĦAŻ-ŻWIEĠ

 F’din l-Eżortazzjoni, il-Papa Franġisku jitkellem fit-tul dwar l-importanza li l-koppji jkollhom tħejjija mill-aqwa għaż-żwieġ. Il-Papa jħeġġeġ biex il-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ ikunu ta’ kwalità kif inhu xieraq, li jsiru b’mod attraenti u kordjali, ħalli jgħinu lill-koppji biex jimpenjaw ruħhom flimkien, bil-qalb u bil-ġenerożità.

Waqt li torganizza l-korsijiet għaż-żwieġ, il-Knisja ma tistax tkun maqtugħa mill-problemi reali li toffri l-ħajja. Il-Knisja, jgħid il-Papa, trid tifhem minn xiex huma għaddejjin il-koppji li se jidħlu għaż-żwieġ, biex tkun tista’ turi l-aħjar toroq li bihom l-għarajjes jagħrfu jegħlbu d-diffikultajiet li se jiltaqgħu magħhom fil-mixja tal-ħajja.

Fiż-żmien tat-tħejjija għaż-żwieġ, l-għarajjes iridu jagħrfu x’hemm li ma jaqbilx bejniethom u jħarsu lejn ir-riskji li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-differenzi. Jekk l-għarajjes jaħbu minn xulxin jew iħallu d-diffikultajiet għal quddiem, ikunu jirriskjaw li ż-żwieġ tagħhom ifalli. Iridu jifhmu li, jekk l-aspetti komuni bejn iż-żewġ persuni huma skarsi, dawn ma jintrebħux bil-ġibda fiżika bejniethom u ma jwasslux għal żwieġ stabbli.

Hi ħasra li ħafna jaslu għat-tieġ bla ma jkunu jafu sew lil xulxin. Ikunu ddevertew flimkien, qasmu l-esperjenzi ma’ xulxin, imma ma affrontawx l-isfida li juru min huma lil xulxin. Hekk ma jkunux tgħallmu min verament huma l-ieħor jew l-oħra. Li titgħallem tħobb lil xi ħadd mhix xi ħaġa spontanja. Anzi, min-natura tagħha, kull persuna tibda titħejja għaż-żwieġ sa minn twelidha. It-tajjeb kollu li l-familja tagħha tkun tatha matul is-snin jgħinha biex meta tikber tkun lesta li tidhol għal impenn sabiħ u dejjiemi bħal ma hu ż-żwieġ.

L-għarajjes ma jridux iħarsu lejn iż-żwieġ bħala t-tmiem ta’ mixja, imma bħala vokazzjoni li tiftħilhom triq ’il quddiem, bid-deċiżjoni soda li se jġarrbu flimkien il-provi u l-mumenti ibsin kollha. Għal dan, iktar minn kliem ta’ duttrina u eżortazzjonijiet spiritwali, hemm bżonn pariri prattiċi, mibnija fuq ir-realtà tal-ħajja, imfassla fuq l-esperjenza u fid-dawl ta’ ħiliet ta’ psikoloġija.

Madankollu m’għandniex ninsew kura importanti f’din il-mixja, li hi l-attitudni ta’ rikonċiljazzjoni li joffri s-Sagrament tal-Qrar, fejn nistgħu nqiegħdu d-dnubiet u l-iżbalji tal-ħajja mgħoddija taħt is-setgħa tal-maħfra ħanina ta’ Alla u tal-fejqan qawwi li jaf jagħti.

Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika fuq l-imħabba fil-familja, Amoris Laetitia, (Il-Ferħ tal-Imħabba)

Is-seba' parti

L-IMĦABBA F’FAMILJA WIESGĦA

 Fl-Eżortazzjoni tiegħu Amoris Laetitia, (Il-Ferħ tal-Imħabba), il-Papa Franġisku juri kif l-imħabba tal-miżżewġin trid tinfirex mal-persuni li huma l-familja wiesgħa tagħhom, bħal ma huma n-nanniet, iz-zijiet, il-qraba u kif ukoll il-ġirien. Dan għax jista’ jkun hemm min hu fil-bżonn tal-għajnuna jew tal-anqas tal-kumpanija u ta’ ġesti ta’ mħabba u ta’ faraġ. Meta koppja tingħalaq fiha nfisha, tkun qed titlef mill-ferħ li tista’ tagħti u tirċievi minn ħbiberija li hi sinċiera u bil-qies. Hawn tenħtieġ delikatezza għax, filwaqt li persuni madwar il-koppja m’għandhomx jitqiesu bħala konkorrenti jew persuni perikolużi li qed jinvadu l-familja, irid ikun hemm bilanċ li mhux faċli li jinżamm.

 Ir-raġel u l-mara li ngħaqdu fiż-żwieġ ma jridux jinsew l-ewwel nett lill-ġenituri tagħhom, anzi għandhom jibqgħu jirrispettawhom bl-aħjar mod. Il-ġenituri tal-koppja la għandhom jiġu mwarrba u lanqas ittraskurati. Min-naħa l-oħra hu importanti li l-miżżewġin ġodda jżommu distanza xierqa mill-ġenituri tagħhom biex l-imħabba tagħhom ma jkollhiex tfixkil minn indħil li jista’ ma jagħmilx ġid. Mhux sew li raġel u mara jaħbu ħafna ħwejjeġ lil xulxin u jmorru jgħiduhom lill-ġenituri rispettivi tagħhom, hekk li aktar tiswa l-fehma tal-ġenituri milli s-sentimenti u l-fehma tal-koppja, għax dan idgħajjef il-fiduċja u d-djalogu ta’ bejniethom.

 L-anzjani huma kategorija vulnerabbli. Aktar ma persuna tidħol fiż-żmien, aktar tibda tibża’ li se tisfa’ minsija u mwarrba; tkun tixtieq ħafna li tingħata widen u attenzjoni. Dawk li huma iżgħar iridu jagħmlu ħilithom biex fl-imġiba tagħhom lejn l-anzjani jegħlbu n-nuqqas ta’ sabar, l-indifferenza u forsi xi  atteġġjment ta’ disprezz. Trid tirrenja l-mentalità ta’ gratitudni, ta’ apprezzament u ta’ ospitalità ġenwina lejn l-anzjani, hekk li jibqgħu jħossuhom sehem miċ-ċirku ta’ madwarhom.

 Ħafna nanniet huma ta’ ispirazzjoni li tħalli l-frott meta l-valuri għolja li akkumpanjawhom tul ħajjithom jgħadduhom liċ-ċkejknin ta’ wliedhom, tant li ’l quddiem dawn jistgħu jixhdu li l-bidu tal-ħajja Nisranija jafuh ukoll lin-nanniet tagħhom. Il-kliem tan-nanniet, iż-żegħil tagħhom u s-sempliċi preżenza tagħhom tgħin lit-tfal jagħrfu li l-istorja tagħhom ma bdietx meta twieldu huma, imma li huma werrieta ta’ mixja twila. Il-preżenza fejjieda tan-nanniet tgħallimhom jirrispettaw l-istorja li ġiet qabilhom għax il-memorja storika hi valur essenzjali fid-dinja tal-lum.



Infakkru fil-laqgħa tal-lejla, Festa tal-Familja, 6 ta' Lulju 2017

VESTIS HONORIS

Libsa ta' Ġieħ - Tifħir lil Ommna Marija, minn San Ġorġ Preca. Itlob magħna
- Ara https://www.facebook.com/Museumsubienimsida-556269247837977/?ref=hl


Playlet 3

 IT-TIEĠ


(Mario ġej mill-privat. Għadu liebes l-uniformi tal-iskola. Hu xi ftit żbandut għax ilu li ħareġ mid-dar minn filgħodu. Joqgħod bilqiegħda fuq banketta filwaqt li jpoġġi fl-art il-basket, tqil bil-kotba, u l-ieħor tal-isports.)

 

Mario:      (waħdu) Iġri jaslu l-vaganzi tas-sajf! Xbajt! Noħrog minn ħames siegħat skola, u wara, ... dritt għall-privat!

               Dalwaqt jidlam, u għadni ma rġajtx lura d-dar. Kif nasal, inbiddel din l-ixkora ta’ uniformi, għax dejqitni. Biha nħossni qisni tifel żgħir, ... għasfur fil-gaġġa. L-istess kuluri s-sena kollha! Mank jagħmlu uniformi għar-rebbiegħa. Lanqas il-pulizija rnhuma kkustigati bħalna, għax għandhom uniformi għal daż-żmien.

Kif inbiddel, nieħu r-ruħ. Insir bniedem ieħor,... aktar ferħan. X'kull waħda din l-iskola. Min ivvintaha ħaqqu midalja! .. . Imbagħad, il-privat jgħaqqadli l-borma!.         


(Mario jkun se jagħlaq il-basket u jibda' miexi. Jiftakar 1i baqagħlu tuffieħa fil-basket u joħroġha. Kif jagħti l-ewwel gidma, jidħol John, liebes pulit, lest għat-tieġ.)


Mario:        Ara John! X'int pulit! ... Jaqaw? Fejn sejjer sabiħ?


John:          Ftit mgħaġġe1, għax il-lejla għandna t-tieġ tal-kuġin, u rrid inlesti. 


Mario:        Xi tlesti? Mela mhux il-kuġin se jiżżewweġ?


John:          Iva. Int tafu?


Mario:        Ma nafux,... imma naħseb li int pulit biżżejjed. X'jonqsok iżjed?


John:          Irrid immur inqerr, għax fil-Quddiesa tat-tieġ se nitqarben.

 

Mario:        Hemm għalfejn tqerr?  


John:          Mela! Biex kulħadd jitla’ jitqarben u jien nibqa’ fuq is-siggu?


Mario:        Tagħmel ikraħ li ma titqarbinx.

 

John:          U kif!... Mur ara ommi kif tiekolli wiċċi!

 

Mario:        Imma ifhimni, ... jekk inti mgħaġġel, se taħli ż-żmien biex tmur tqerr!

 

(Mario jaqbad il-basktijiet u jħajjar lil John biex jimxi miegħu.)

 

Mario:        (Jitlob lil John) John, ma tislifnix kwarta mill-ħin tiegħek u mmorru sal-club nagħmlu logħba?

 

John:          X’nagħmlu?

 

Mario:        (Bil-ħniena) Qabel nidħol id-dar... Taf kemm ilni b’din l-uniformi?

 

John:          (Jagħti ħarsa lejn l-uniformi ta’Mario.) Milli jidher,... tħobbha!

 

Mario:        Daqskemm inħobb l-iskola. Kieku naf kemm noħlom ikrah b’dak il-bank li nkun imwaħħal miegħu l-iskola!

 

John:          (Jinkih, bid-daħqa.) Mario,... x’jogħġbok l-iktar fl-iskola?

 

Mario:        Il-qanpiena tar-recreation jew biex noħorġu meta nispiċċaw.

 

John:          Mario, nieħu gost nitkellem miegħek,... imma l-ħin għaddej ġmielu. Kif għedtlek, se mmur inqerr.

 

Mario:        Kemm int ħerqan biex tqerr! Lanqas li għamilt xi serqa kbira!

 

John:          Biex tmur tqerr, m’hemmx għalfejn tagħmel serqiet, la kbar u lanqas żgħar.

 

Mario:        U mela min hu daqsna jista’ jagħmel id-dnubiet? Trid tkun kbir biex tagħmel dnub kbir.

 

John:          U d-dnubiet iż-żgħar?

 

Mario:        Biżżejjed tagħmel ftit ilma mbierek u jinħafirlek kollox. Dak għalhekk jagħmluh fil-bieb tal-knisja, għad-dnubiet tagħna,... minflok il-Qrar.

 

John:          Jiġifieri, skont int, lill-qassisin jistgħu jagħtuhom il-pensjoni, għax xogħlhom joħodulhom il-fonti tal-ilma mbierek!

 

Mario:        Tmurx ‘il bogħod b’moħħok. Wara kollox,... jaqaw int wieħed milli tipprovdilhom ix- xogħol billi tmur tqerr kull ġimgħa?

 

John:          Kważi.... Immur meta jkolli bżonn. Se jkolli nħallik, għax kieku diġa’ qerrejt u għamilt il-penitenza!

 

Mario:        La taħsibha hekk, mhemmx x’tagħmel Ma rridx intellfek il-gost tat-tieġ. Imma xejn ma ngħidlek, John,... Oqgħod bil-għaqal.

 

(Mario joħroġ minn naħa, u John minn oħra.)

Playlet 2                                

 IL-QUDDIESA TAL-ĦADD

 (Peter u Mark ġejjin minn hike; wieħed għandu basket u ballun tal-futbol, u l-ieħor bil-basket tiegħu.)

 Peter       Mhux li din il-hike tkun kull nhar ta’ Ħadd!

 Mark       Kemrn ħadt pjaċir!

 Peter       Inħossni għajjien mejjjet!

 Mark       La nasal id-dar, lanqas televixin ma nara,... anzi,... bilkemm niekol,… dritt għas-sodda!

                (Ikunu se jimxu; jiġbru l-basktijiet u l-ballun)

 Peter       Bilħaqq,.. qabel inħallik, irrid nistoqsik xi ħaġa.

 Mark       Għidli.

 Peter       Nixtieq inkun naf x’kien x’kien liebes il-qassis fil-quddiesa ta’ dalgħodu.

 Mark       X’jiġifieri x’kien liebes?... Mhux is-soltu?

 Peter       (jinsisti) X’kulur?

 Mark       Issa sew! Ngħid jien, għax trid tkun taf x’kulur kien liebes?

 Peter       Ipprova ftakar, għax ħazin għalija!

 Mark       Mingħalija bl-aħmar kien!

 Peter       Għidli sew, għax ikun jaf.

 Mark       Min?

 Peter       Missieri.

 Mark       Ngħid jien…

 Peter       Mela,.. għax x’ħin nasal, missieri jistaqsini x’kien liebes il-qassis.

 Mark       Għandu xi mħatra?

 Peter       U le,… biex jara jekk jien mortx quddies jew le.

 Mark       Jaqaw?

 Peter       Ilium qornt tard u ridt inlesti l-ħobz għall-ħaġa.

 Mark       Mhux sew li tgħaddi ġurnata tiddeverti u ma tmurx quddies.

 Peter       Mark, issa li hemm hemm! Wara kollox, din x’fiha?

 Mark       Imma llum il-Ħadd u tagħmel ħazin titlef il-quddiesa.

 Peter:      Issa ħalina minn dan! Immorru lejn id-dar ħa nintefgħu norqdu.

 (Peter u Mark jiġbru basktijiet u l-ballun u joħorġu.)



Playlet 1   

 

 IL-FESTA

 

(Paul ġej mgħobbi b'landa żebgħa u pinzell kbir. Charles miexi bil-lajma, b' idejh fil-but. Paul u Charles jiltaqgħu.) 

 

Paul:          (Iqiegħed il-landa fl-art u jibqa' jżomm il-pinzell.) Għall-erwieħ, ... X'inhi tqila din il-landa! ... Iva, Charles, qed niżbgħu id-dar għall-festa!

 

Charles:     (mistagħġeb) Għall-festa?

 

Paul:          (Iqiegħed il-pinzell fuq il-landa.) Mela!

 

Charles:     Sewwa qed tgħid, għax li ma kinitx il-festa u li ma kienx it-tberik, ħafna djar ma jbiddlux kuluri.

 

Paul:          Hekk hu. Għall-festa kulħadd irid li jkollu d-dar nadifa u isbaħ mis-soltu. Għalhekk jien qed inqandel din il-landa!

 

Charles:     na wkoll, għax jiġu andna z-zijiet biex jieklu magħna u biex igawdu l-festa huma wkoll. 

 

Paul:          Jien għalija jista' ma jiġi ħadd, l-aqwa li fil-festa ngħaddi ġurnata niġri, immur mal-marċ u naqbad il-kuruni u l-bżieżaq!

 

Charles:     Imma l-festa ma tiġix għall-marċ biss.

 

Paul':         Mela għalfejn?

 

Charles:     Il-festa tiġi biex aktar nies jersqu lejn il-knisja. Hawn min lanqas jaf fejn tiġi l-knisja, imma dak inhar jidħol ukoll.

 

Paul:          U iva!...

 

Charles:     Fil-ġimgħa tal-festa jkun hemm Quddies isbaħ mis-soltu fil-knisja. Imbaghad dik tas-Sibt u l-Ħadd ikunu speċjali!    

 

Paul:          Bil-Latin, hux, ... ? Xi dwejjaq! Jien ma nifhem xejn!                                        \

 

Charles:     Lanqas jien ma nifhem bil-Latin, imma ninduna xi jkun qed isir,... naf li tkun il-Quddiesa,... jew il-Barka,... Tgħidx kemm nies jersqu għat-Tqarbin!

Paul:          M'hemmx għalfejn titqarben f'kull ġurnata tal-festa,... biżżejjed il-Ħadd!

 

Charles:     Jekk tittraskura, jista' jiġrilek bħali. Darba għaddiet il-festa, daħlet il-vara, u jien kont għadni ma smajtx Quddies!

 

Paul:          Da’ xkien?

 

Charles:     Għax kont malbieb u aljenajt rasi. Tgħidx kemm iddispjaċieni.

 

Paul:          U iva,.... il-Bambin jaħfirlek.

 

Charles:     Imma jien mhux hekk imdorri. Ommi, sa minn meta għamilt l-Ewwel Tqarbina, anzi qabel, kienet todni magħha l-Knisja. Kont naraha titqarben, u lill-oħrajn ukoll, u dejjem xtaqt nagħmel bħalha.

 

Paul:          U ma tqarbintx fil-festa!

                 

Charles:     Kienet darba.

 

Paul:          Ħaġa żgħira! Billi ma tqarbintx? Jien ma nħossx li ġara xi ħaġa meta nkun tqarbint, ... Nitqarben għax ninzerta fil-Quddiesa.

 

Charles:     Imma dak għax ma tkunx ħerqan biex titqarben. Jekk Ġesu' hu ħabib tiegħek, tkun ferħan li ġie għandek.

 

Paul:          Mhux biżżejjed nhar ta’ Ħadd?

 

Charles:     Ara, Paul,... aħna t-tnejn ħbieb u ma ngħaddux mingħajr xulxin. Naħsbu f'xulxin, u jekk ikollna ninfirdu, jiddispjaċina.

                   

Paul:          Mela ħa ngħidlek,... xi drabi naraha bi qtila  biex nitqarben, għax,...

 

Charles:     Għaliex?

 

Paul:          Għax ma jkollix aptit.

                 

Charles:     L-aptit jiġik quddiem xi ħaġa li togħġbok! ... Jekk jogħġbok Ġesu', tkun trid toqgħod ħdejh!

 

Paul:          Jogħġobni Ġesu', ... lil Ġesu' min ma jħobbux? 

 

Charles:     Mela ara x'nagħmlu,...  illejla niġi għalik jien.

 

Paul:          Qed tagħmilli 1-qalb.

 

Charles:     Ngħaddi għalik u mmorru l-Quddies flimkien.

 

Paul:          Ftehmna! Fi x’ħin?

 

Charles:     Fis-sitta!... Issa aqbad dik il-landa żebgħa, għax missierek min jaf x’jistenniek!

 

Paul:          Iva, bilħaqq, kont se ninsiha!

 

(Paul u Charles joħorġu flimkien filwaqt li tinstema' ftit mużika.)



TALBA LILL-MADONNA TAL-PARIR IT-TAJJEB

O Madonna tal-Parir it-Tajjeb,
inti taf li l-ħsibijiet tagħna huma foqra
u l-passi tagħna huma tqal.
Taf il-perikli tal-lum fil-mixja tagħna tal-fidi.
Inti, mimlija bil-grazzja,
iftħilna qalbna għall-kelma t’Alla.
Dawwal il-moħħ tagħna,
O Madonna tal-Parir it-Tajjeb.



IL-PAPA FRANĠISKU U L-MADONNA TA' FATIMA


Jorge Bergoglio, il-Papa Franġisku għandu qima intensa lejn Marija. Lejn il-Verġni ta’ Luján, patruna tal-Arġentina, u lejn ta’ Guadalupe, patruna tal-kontinent latin-amerikan. Bħal ta’ qablu, il-Madonna ta’ Fatima għandha post speċjali għalih. Fit-13 ta’ Mejju 2013, l-ewwel dehra ta’ Fatima, il-pontifikat tiegħu ġie konsagrat lill-Madonna f’quddiesa fis-santwarju tal-Portugal. Ħames xhur wara, fit-13 ta’ Ottubru, l-aħħar dehra, il-Papa talab quddiem l-istatwa oriġinali tal-Madonna ta’ Fatima, li kienu ħaduha Ruma għal ġranet dedikati lill-Madonna.

__________

IR-RUŻARJU - IL-MISTERI TAL-FERĦ

1. Meta l-anġlu Gabriel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha tkun omm Alla.

O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li nkunu sinċerament rikonoxxenti lej Kristu, li Alla veru sar Bniedem veru għas-saħħa tagħna. Ammen.

2. Meta Sidtna Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta.

O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li jagħtina l-kbira grazzja li nagħtuk vera qima, u li nħobbu wkoll lil xulxin tassew u diżineressatament. Ammen.

3. Meta Sidna Ġesù Kristu twieled fil-għar ta’ Betlem.

O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li nifhmu kemm huwa prezzjuż f’għajnejn Alla d-disprezz tad-dinja u li ntemmu f’kollox il-volontà ta’ Alla. Ammen.

4. Meta Sidtna Marija ppreżentat lil binha Ġesù fit-tempju.

O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li nidhru fit-tribunal tal-Ġustizzja Divina ġa purifikati minn kull tebgħa biex neħilsu l-ħruxija tan-nar. Ammen.

5. Meta Sidtna Marija tilfet lil binha Ġesù u wara tlitt ijiem sabitu fit-tempju jiddisputa mad-dutturi.

O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina sabiex nitgħallmu l-kliem tal-ħajja u kif nistgħu ngħallmuh ukoll lil ħutna bnedmin. Ammen.

__________

IR-RUŻARJU - IL-MISTERI TAT-TBATIJA

 1. Meta Sidna Ġesù Kristu għamel l-orazzjoni fl-ort u  għereq l-għaraq tad-demm.

    O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li fin-niket nifhmu li Huwa hu padrun tagħna u li Huwa hu missier tagħna biex inbaxxu rasna bla tgemgim. Ammen.

2. Meta Sidna Ġesù Kristu kien marbut ma’ kolonna u fflaġellat.

    O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li ngħakksu l-ġisem tagħna u nqegħduh ilsir tal-ispirtu, sabiex dan it-tempju tal-Ispirtu s-Santu jkun bla tebgħa. Ammen.

3. Meta Sidna Ġesù Kristu kien inkurunat bix-xewk.

    O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li nagħmlu minn kollox biex nogħġbu lilu, u li nistmerru kulma tgħożż id-dinja, u speċjalment l- ispirtu tal-vanaglorja. Ammen.

4. Meta Sidna Ġesù Kristu kien ikkundannat għall-mewt u mgħobbi s-salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju.

    O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li f’din id-dinja nieħdu sentenza ħażina, biex fit-tribunal divin inkunu milqugħin b’barka eterna. Ammen.

5. Meta Sidna Ġesù Kristu kien mislub fuq is-salib u wara tliet sigħat ta’ agunija miet.

    O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li nifhmu fuq il-kobor tal-premju u fuq il-qilla tal-kastig sabiex nagħtuh b’ħeffa kbira kull sagrifiċċju tar-rieda tagħna. Ammen.

IR-RUŻARJU- IL-MISTERI TAD-DAWL

1.    Il-Magħmudija ta’ Ġesu’

O Verġni mbierka, itlob ‘l Alla għalina biex bil-Kelma ta’ Ibnek u bin-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu aħna nitwieldu kuljum għad-dawl tal-grazzja ta’ Alla. Ammen.

2.    It-Tieġ ta’ Kana

O Verġni mbierka, itlob ‘l Alla għalina biex nimxu fuq il-parir tiegħek li nwettqu b’ubbidjenza u b’rieda tajba dak li l-Mulej isejħilna biex nagħmlu. Ammen.

3.    Ġesu’ jħabbar is-Saltna ta' Alla

O Verġni mbierka, itlob ‘l Alla għalina biex naħdmu bla heda għas-saltna t’Alla, li hi saltna ta’ mħabba, ta’ verita’, ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Ammen.

4.    It-Trasfigurazzjoni

O Verġni mbierka, itlob ‘l Alla għalina biex ħajjitna tinbidel f’ħajja ta’ qdusija hekk li kliemna u għemilna jixhdu d-dawl tal-grazzja li hemm ġo fina. Ammen.

5.    It-Twaqqif ta’ l-Ewkaristija.

O Verġni mbierka, itlob ‘l Alla għalina biex l-Ewkaristija li nieħdu sehem fiha tagħmilna dejjem aktar sinjal ta’ komunjoni u ta’ qadi għall-oħrajn. Ammen.

 

__________

IR-RUŻARJU - IL-MISTERI TAL-GLORJA

1. Meta Sidna Ġesù Knistu qam minn bejn l-imwiet.
O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li rxuxtajna ma’ Kristu, li dejjem infittxu li nduqu l-ħwejjeġ tas-sema u mhux il-ħwejjeġ tal-art. Ammen.

2. Meta Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema.
O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li nitħejjew biex nagħmlu mewta tajba ħalli nevitaw il-qilla tal-jum tremend tal-ġudizzju universali. Ammen.

3. Meta Sidna Ġesù Knistu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.
O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li fina jkollna l-ispirtu tal-imħabba, tal-prudenza u tal-fortezza biex inkunu perfetti quddiem il-Qdusija Tiegħu. Ammen.

4. Meta Sidtna Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem.
O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li niddistakkaw ruħna minn kull ħaġa temporali sabiex inkunu nixtiequ biss li ninħallu u ningħaqdu ma’ Kristu. Ammen.

5. Meta Sidtna Marija ġiet inkurunata mis-Santissima Trinità u mgħollija fuq il-kori kollha tal-anġli.

O Verġni Mbierka, itlob ’l Alla għalina li ngħixu fidili f’kollox għal-Liġi tiegħu sabiex ikun jistħoqqilna li nkunu inkurunati bil-glorja eterna. Ammen.



GRAZZI

Lill-familji, Imsida - Apprezzajna ħafna lil dawk il-familji li laqgħu l-istedina tal-MUSEUM u attendew għall-Quddiesa li saret fil-festa ta’ SAN ĠORĠ PRECA. Il-laqgħa li saret fil-Museum wara l-Quddiesa kienet ukoll okkażjoni sabiħa. J’Alla, speċjalment il-ġenituri, jibdew jagħtu iktar importanza għal dak li jkun organizzat għalihom u għat-tfal tagħhom. Nittamaw li dawk li ma attendewx semgħu quddiesa b’radd il-ħajr għall-ġid li jsir permezz ta’ San Ġorġ Preca u s-Soċjetà tiegħu tul il-110 snin mindu beda l-MUSEUM.
__________



FESTA TA’ SAN ĠORĠ PRECA

 

F’isem is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija MUSEUM nixiequ nistiednu

lit-tfal, lill-adolexxenti, lill-ġenituri, lill-familjari tagħhom,

lill-benefattturi u lill-pubbliku inġenerali għall-QUDDIESA

li se ssir fil-knisja parrokkjali tal-Imsida nhar it-TLIETA 9 TA’ MEJJU

fis-6.30 p.m. fl-okkażjoni tal-festa ta’ SAN ĠORĠ PRECA biex

nirringrazzjaw lil Alla għall-grazzji li ta lil San Ġorġ Preca u lilna permezz tiegħu.

 

Wara l-Quddiesa nistidnukom għal laqgħa soċjali fil-Museum.




Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika fuq l-imħabba fil-familja, Il-Ferħ tal-Imħabba

6. KULL TARBIJA HI RIGAL

 Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni tiegħu Il-Ferħ tal-Imħabba, jgħid li l-imħabba ma tiqafx mar-raġel u l-mara, imma tkompli meta, bħala omm u missier, jilqgħu r-rigal tat-twelid ta’ tarbija fil-familja.

 L-omm, waqt ix-xhur tat-tqala, tkun qed tikkollabora ma’ Alla biex iseħħ il-proċess ta’ ħajja ġdida u għandha s-sehem ta’ protagonista fil-miraklu tal-ħolqien. Il-Papa jħajjar lil kull mara li tinsab fit-tqala biex tieħu ħsieb il-ferħ li hemm ġo fiha ħalli ħadd ma jisirqilha l-ferħ tal-maternità. Hu jistieden lil dawk li se jwelldu biex ma jħallu xejn itellfilhom il-ferħ tagħhom; bħalma hu l-biża’, it-tħassib, il-kummenti tal-oħrajn jew xi problemi li jistgħu jitfaċċaw fil-familja, għax it-tarbija jixirqilha l-ferħ tal-ġenituri. L-imħabba tal-ġenituri hi sinjal tal-imħabba t’Alla l-Missier li jistenna bil-ħlewwa t-twelid ta’ kull tarbija, jaċċettaha bla kundizzjonijiet u jilqagħha b’idejh miftuħa beraħ.

 Hu interessanti li l-Papa jagħmel riferenza għall-importanza tal-isem li jingħata lit-tarbija. Tajjeb li, bħala dawk li għandhom il-privileġġ li jagħtu l-isem lil uliedhom, il-ġenituri jifhmu li l-isem li se jagħżlu se jkun dak li t-tifel jew it-tifla se jibqgħu jissejħu bih tul ħajjithom kollha u għal dejjem.

 
 Il-Papa jiddispjaċih li, mill-bidu, ħafna tfal fid-dinja huma rifjutati, abbandunati jew misruqa mill-familja tagħhom. Ikun hemm min saħansitra jgħid li t-tarbija ġiet fid-dinja bi żball. Ukoll jekk ġiet fid-dinja f’ċirkustanzi mhux mixtieqa, it-tarbija għandha tiġi mħaddna bħala rigal minn Alla u li ta’ min jilqgħu bil-ferħ.

 Il-Papa jsemmi li xi ġenituri jħossu li t-tarbija ma waslitx fl-aħjar żmien. Dawn għandhom jitolbu lill-Mulej biex jagħtihom id-dawl ħalli jaġixxu sewwa, għax jeħtieġ li t-tarbija  tħossha milqugħa bl-aħjar mod. Il-lingwaġġ bejn l-omm u l-missier, il-ħarsa lejn xulxin, it-tbissima tagħhom u ġesti oħra, iħallu effett fuq iċ-ċkejknin. Kull tarbija għandha d-dritt li tirċievi u tħoss l-imħabba tal-omm u tal-missier, li t-tnejn huma meħtieġa biex it-tarbija tikber b’mod sħiħ u armonjuż.

 L-omm, li tipproteġi lit-tarbija bil-ħlewwa u l-mogħdrija, trawwimha fil-fiduċja u tgħinha tħoss li d-dinja hi post tajjeb biex tilqagħha, tkun ixxettel fiha stima tagħha nnifisha. Min-naħa tiegħu, il-missier li jesprimi ruħu fl-imġiba li biha jħobb u jilqa’ lil martu, hu wisq meħtieġ daqskemm hi meħtieġa l-għożża tal-omm. Kemm hu sabiħ ukoll li mill-ewwel ġranet tagħhom fid-dinja, it-tfal jibdew jirċievu l-kwalitajiet spiritwali tal-imħabba.



Din hi link għal feature dwar il-proċess li bih il-Knisja wasslet lil Dun Ġorġ Preca biex ikun iddikjarat qaddis. Ikklikkja fuq hawn: Il-mixja lejn il-kanonizzazzjoni

KIF TISPJEGA L-EWKARISTIJA LIT-TFAL 

Aqra r-rakkonti tat-twaqqif tal-Ewkaristija mill-evanġelji.

Uża bibbja bl-istampi għat-tfal biex tgħin lit-tifel/tifla jifhmu r-rakkont.

Iddiskuti mat-tifel/tifla l-importanza tal-ikel fil-ħajja tal-familja. Spjegalhom li tiltaqgħu għall-ikel mhux biss biex tieklu iżda wkoll biex tieħdu gost tkunu flimkien.

Tkellem mat-tifel/tifla fuq il-ħbiberija. Ġesù ried jibqa’ fl-Ewkaristija biex jibqa’ qrib il-ħbieb tiegħu.


Kif twieġeb għal xi mistoqsijiet li jagħmlu t-tfal dwar l-Ewkaristija

M.  Ġesù kif qiegħed hemm u ma nistax narah?

T. Il-kurrent tad-dawl jew ir-riħ ma tistax tarah iżda d-dawl u l-effetti tar-riħ tarahom. L-istess Ġesù. Fl-ostja ma tarahx. Imma l-effetti tiegħu jinħassu.


M. Qabel nitqarben, kull darba rrid inqerr?

T. Le. Trid tqerr jekk tkun għamilt dnub gravi. Iżda tagħmel tajjeb li tqerr regolarment biex iżżomm ruħek nadifa u sabiħa.

 

M. Għaliex għandi nitqarben?

T. Għax aħna għandna bżonn lil Ġesù fil-ħajja tagħna.
Jekk le, ikolli ħabib importanti nieqes. Ġesù huwa l-gwida tiegħi, il-ferħ, is-saħħa li nikber bħala bniedem u niġġieled il-ħażin.

 

M. Jekk nigdem l-ostja, dnub?

T. Le. Ġesù qalilna “Ħudu u KULU”.

 

EXPLAINING THE EUCHARIST TO CHILDREN 

Read the narrative of the Last Supper from the Gospel.
Make use of a Bible with pictures for children so that they can understand the story.

Discuss the importance of food in our life of the family. Explain to them that we do not just meet to eat at the table but also to enjoy the moment together.

Talk to the child about friendship. Jesus chose to remain with us in the Eucharist so that he will be always with his friends.

 

How to reply to childrens’ question on the Eucharist

Q. Jesus is there, but why I cannot see him?

A. We cannot see the electricity current or the wind but we see their effect.
Likewise Jesus. We do not see him in the host, but we feel his presence.

 

Q. Do I have to confess before communion?

A. No. We need to confess in the case of a grave sin. But it is important to confess regularly in order to have a nice, clean heart.

 

Q. Why do I have to receive communion?

A. Because we need Jesus in our hearts.
Otherwise I will miss a good friend. Jesus is my guide, my joy, my strength to grow up and do what is good.

 

Q.  Can I eat the Host, or I have to swallow it?

A.   Of course you have to eat the Host. Jesus told us: “Take and EAT”.

 

A short video on how children (and adults) should receive Holy Communion, either on our tongue or in our hands.  https://youtu.be/qdGkTdv4Dt4

 

_____________________________


__________

Illum, għat-tfal il-kbar, bħalma nagħmlu fis-7, 17 u 27 ta’ kull xahar, fil-MUSEUM nitolbu litanija sabiħa lil Ommna Marija, ‘Libsa ta’ Ġieħ’, miktuba minn San Ġorġ Preca. Waqt li naraw l-istampi li juruna lil Marija bħala r-reġina tal-ħolqien, nagħmlu xi intenzjoni, eż. biex ikollna l-ftehim u l-paċi fil-familji tagħna.
Tistgħu titolbu magħna permezz tal-powerpoint li ssibuh fuq facebook: Museumsubienimsida
______________________________

NGĦINU LIT-TFAL IQERRU

1.     Il-Qrar hu ċelebrazzjoni u għalhekk irridu nersqu lejn dan is-Sagrament bil-ferħ.

2.     Hu aħjar li nagħmlu enfasi fuq il-grazzja milli fuq id-dnub.

3.     Ma nagħmlux kollox dnub għat-tfal. It-tfal għadhom żgħar biex ikunu ħatjin fis-sens ta’ dnub għal dak li jagħmlu.

4.     Il-ġenituri jridu jiggwidaw u jgħinu lit-tfal biex jibdew iqerru tajjeb.

5.     L-importanza tal-eżempju tal-adulti, l-aktar tal-ġenituri.

6.     Ix-xhur ta' qabel l-Ewwel Tqarbina huma żmien sabiħ għall-familja kollha. Nieħdu l-opportunità li ngħixuh bil-ferħ flimkien.

_______________________________

Katekeżi għall-familja

F’dan iż-żmien tal-Għid niltaqgħu mat-tislima ta’ Ġesù lid-Dixxipli “IL-PAĊI MAGĦKOM”. Il-ħbieb ta' Ġesù kienu mimlijin bil-biżgħa. Se jarrestawhom u se joqtluhom, lilhom ukoll? Imma dak li sabu meta Ġesù ġie jiltaqa’ magħhom kien li l-mewt ma kellha l-ebda setgħa fuqu.  Ġesù, imqajjem mill-mewt, isellmilhom: “IL-PAĊI MAGĦKOM!” Li jkunu fil-paċi hi l-ikbar forza li Ġesù seta’ jagħti lid-Dixxipli tiegħu. Din il-paċi ta’ Kristu, li tiġi mill-Ispirtu s-Santu, nagħtuha lil xulxin fil-Quddiesa. Ngħidu lil ta’ madwarna li Ġesù rebaħ fuq il-mewt. Emmen fi Kristu u jkollok il-ħajja.

______________________________

Jekk qed tikkonfondi x’rigal se tagħti għall-Ewwel Tqarbina lil tifel jew tifla, nissuġġerilek il-ktieb ‘QABEL NORQOD’. Hu ktieb kollu bil-kulur, b’45 storja żgħira b’talba marbuta ma’ kull storja li t-tfal jistgħu jaqraw u jitolbu flimkien mal-ġenituri. Ma’ kull storja/talba hemm stampa full-page li tiddeskrivi l-istorja. Jinxtara €12.50 mil-Librerija Preca jew tista’ tikkuntattja 79595312.

If you are looking for a present for a child's First Holy Communion, may I suggest the book in Maltese, ‘QABEL NORQOD’. It is a book in full colour, with 45 stories each with a short prayer that children may read and pray upon together with their parents. Every story/prayer is complemented with a full-page picture that describes the story. The book is available at Preca Library or you may contact 79595312.

______________________________

Infakkru li nhar it-Tnejn 24 ta’ April se jkollna t-tieni laqgħa għall-ġenituri tat-tfal li din is-sena se jirċievu l-Ewwel Tqarbina fil-Parroċċa tal-Imsida. Il-laqgħa tkun fis-sala parrokkjali fis-7.15 p.m. u jkun hemm min jieħu ħsieb it-tfal. Ikollna talk importanti bħala preparazzjoni għall-Ewwel Tqarbina u nagħtu wkoll xi avviżi marbutin ma’ din l-okkażjoni.


Lill-ġenituri tat-tfal tal-Griżma tal-Isqof,

Għeżież ġenituri,

Nixtiequ ngħarrfukom li d-data tal-Griżma tal-Isqof fil-parroċċa tal-Imsida għal din is-sena 2017 se tkun nhar il-Ħadd 5 ta' Novembru.

Il-paċi magħkom.

______________________________


Premju - L-ARKA TA’ NOE'

Fil-bidu ta’ Marzu, konna għedna lit-tfal li għandna rigal sabiħ li nixtiequ ntellgħuh lit-tfal li jattendu l-Museum.

Ir-rigal hu kit bl-ARKA TA’ NOÈ, magħmul minn biċċiet tal-injam biex tinbena l-ARKA.

Illum, il-Ħamis 20 ta’ April, se ntellgħu bil-polza dan il-premju għat-tfal li l-aktar ġew għal-laqgħat tal-Museum f’Marzu u f’April.

It-tfal ikollhom biljetti b’isimhom daqskemm ikunu attendew.



_____________________________

Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika  Il-Ferħ tal-Imħabba

 1. ĦARSA ĠENERALI

 Wara l-Misericordiae Vultus, il-Papa Franġisku, nhar it-8 ta’ April 2016, tana rigal ieħor: l-eżortazzjoni appostolika Amoris Laetitia, (Il-Ferħ tal-Imħabba). Inkitbet kollha mill-Papa nnifsu wara t-temmija taż-żewġ sessjonijiet tas-sinodu dwar il-familja li sar fl-2015 u tikkumplimenta Il-Misericordiae Vultus fl-elementi qawwija ta’ ħniena u ta’ maħfra. F’Il-Ferħ tal-Imħabba l-Papa juri li l-Knisja hi omm, li tagħder, tifhem, tissaporti u hi lesta, b’idejha miftuħa, biex tħaddan fiha lill-familji kollha, għax il-ferħ u l-paċi huma possibbli.

 L-eżortazzjoni tibda hekk: “Il-ferħ tal-imħabba, li tingħax fil-familja, hu wkoll il-ferħ tal-Knisja.” Fiha l-Papa jifhem is-sitwazzjoni attwali tal-familja, u dan jagħmlu b’saqajh mal-art, għaliex jaf bid-diffikultajiet u l-isfidi li tiffaċċja l-familja. Huwa jħares b’ottimiżmu lejn dak li l-Knisja tista’ toffri lill-familji. Jaf li ħafna nies ma jilħqux il-livell ideali u ħafna huma dawk li mhumiex jgħixu kif il-Knisja tistenna miż-żwieġ. Għalhekk jgħidilna li l-attitudni tal-Knisja trid tkun bħal ta’ “sptar fi gwerra, disinjata biex iddewwi lill-feruti”. Il-Papa jgħid li kuħadd għandu jħossu parti mill-Knisja u għalhekk, anke min ilu mbiegħed mis-Sagramenti, għandu jiġi nkuraġġit biex gradwalment jerġa’ jkun sehem fil-komunita’ nisranija.”

 It-ton tal-Papa f’Il-Ferħ tal-Imħabba hu wieħed ta’ tenerezzza, tant li din il-kelma nsibuha tnejn u għoxrin darba fl-eżortazzjoni. Il-Papa jkellimna b’mod familjari, bħal wieħed li jinsab viċin tan-nies u jagħmel mistoqsijiet tipiċi tal-ħlewwa tiegħu. Fl-istess waqt jurina d-dmirijiet tagħna lejna nfusna u fl-imħabba lejn l-oħrajn.  

 Din l-eżortazzjoni hi ħafna itwal mill-Misericordiae Vultus. Fiha 325 paragrafu li fihom il-Papa jidħol ħafna fil-fond dwar suġġetti marbutin mal-familja, mar-relazzjoni bejn il-koppja, iż-żwieġ, is-sesswalità, it-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal. Iħeġġiġna ħalli nsibu ħin biex naqraw l-eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Imħabba, u naqrawha skont is-sitwazzjoni partikulari li ninsabu fiha, ta’ koppji, ta’ persuni mhux miżżewġa jew ta’ nies fil-pastorali u jqiegħed il-familja u l-imħabba fiċ-ċentru tal-Knisja, li hi “l-familja tal-familji”. Matul l-eżortazzjoni, il-Papa jerġa’ jippreżentalna l-wiċċ ta’ Alla, li ma jikkundannax imma li jrid jiġi “fuq il-mejda magħna” biex bi djalogu jagħmel eħfef il-mixja tagħna lejh, kuljum u dejjem aħjar.

Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika dwarl-imħabba fil-familja Il-Ferħ tal-Imħabba

2. INĦARSU B’UMILTÀ LEJN IR-REALTÀ TAL-FAMILJA

 

Il-Papa Franġisku, persuna b’riġlejh mal-art, jurina li jifhem is-sitwazzjoni attwali tal-familja u għalhekk iħares lejn l-isfidi serji li l-familja tħabbat wiċċha magħhom u li l-kultura ta’ żmienna qiegħda dejjem iżżid. Jeżisti individwaliżmu esaġerat li qed jagħmilha diffiċli li persuna tagħti lilha nfisha b’mod ġeneruż lil persuna oħra. Filwaqt li nibżgħu mis-solitudni u nfittxu l-protezzjoni u l-fedeltà, ma nixtiqux ninqabdu f’relazzjoni li ttellifna mis-sodisfazzjon tax-xewqat personali tagħna. Dan qed ixejjen ir-rabtiet familjari u jwassal biex il-membri tal-familja jsiru gżira għalihom; jibdew ifittxu l-gost personali, ma jittollerawx lil xulxin, isiru arroganti u sa jaslu għall-vjolenza.

 

Realtà oħra fil-kultura ta’ żmienna hi l-ħeffa li biha xi wħud jgħaddu minn relazzjoni affettiva għal oħra.  Għal ħafna l-imħabba hi bħal social network fejn tista’ tikkonnettja u tiskonnettja skont il-pjaċir tal-konsumatur. L-impenn fit-tul iqanqal biża’, il-ħin liberu sar ossessjoni u l-ħin kollu nagħmlu l-kalkoli bejnietna. It-tifrik fil-familja spiss iseħħ bejn adulti li jfittxu l-awtonomija minn xulxin u jiċħdu l-ideal nobbli li jibqgħu flimkien sal-aħħar ħalli jieħdu ħsieb xulxin u jwieżnu lil xulxin.

 

Hi r-realtà ta’ żmienna li ż-żgħażagħ jaqtgħu qalbhom milli jiffurmaw familja tant li f’xi pajjiżi ħafna żgħażagħ ikollhom jissospendu ż-żwieġ minħabba l-qagħda ekonomika tagħhom, l-istudju jew in-nuqqas ta’ xogħol. L-eżempji ta’ madwarhom u l-effett tal-ideoloġiji li jxejnu l-familja u l-esperjenza tal-falliment ta’ koppji oħra huma wkoll kawża ta’ skuraġġiment għaż-żgħażagħ li qed jiġu mirbuħa mill-attrazzjoni tal-konvivenza u qed iħarsu lejn ir-relazzjoni bis