Parrocca Madonna ta` Lourdes

  

Wara l-ewwel Gwerra Dinjija, l-popolazzjoni f`Rahal Gdid beda jizdied u jinfirex malajr, Minn 7,297 fl-1931 splodiet ghal 14,793 fl-1948. Malli l-Kappillan Dun Frangisk Xuereb sar kappillan tal-Parrocca ta` Rahal Gdid kellu l-hsieb li jibni kappella qrib in-nicca tal-Madonna ta` Lourdes li tinsab ftit l-isfel mill-habs ta` Kordin.

 

Skond irhama li hemm taht din l-istatwa, jidher car li d-devozzjoni min nies ta` dan ir-rahal lejn il-Madonna ta` Lourdes kienet ilha theggeg fi qlub in-nies. F`din l-iskrizzjoni nsibu li fis-sena 1875 Mons. Conte Carmelo Scicluna , li f`dak iz-zmien kien isqof  ta` dawn il-gzejjer, kien ta` indulgenzi lil min jghid Ave Marijiet quddiem din ix-xbieha.

Meta pajjizna kien iservi ta` stazzjon tal-faham ghall-flotot u l-vapuri li kienu jbahhru fil-Mediteran, id-devozzjoni lejn din in-nicca kienet kompliet tinxtered.

Hafna haddiema li kienu jghaddu minn quddiemha, wara li jkunu spiccaw mix-xoghol, kienu jtuha tislima u jitfu xi haga ghall-mixeghla u l-kura ta` din ix-xbieha ghaziza. Din il-qima komla isahhahha Mons. Mikiel Gonzi li fi zmien il-veskova tieghu, billi rega` gedded l-indulgenzi moghtija b`digriet nhar il-15 ta` Settembru 1951.

 

      

 

 

Id-Devozzjoni Marjana f`Rahal Gdid

 

Din ma kienitx l-unika devozzjoni Marjana f`Rahal Gdid , fil-knisja l-qadima u storika ta` Santa Ubaldeska kien hemm devozzjoni lejn il-Madonna taht it-titlu ta` Pompei u fit-8 ta` Mejju kienet issirilha festa.  Kien jiehu hsieb ihallas ghaliha is-Sur Karlu Ascolese. Insibu devozzjoni ohra lejn il-Madonna f`din l-istess knisja, lejn il-Madonna ta` l-Isperanza. Kien bdieha u gab statwa taghha l-Kjerku Carmelo M. Bologna, li kien Rettur tal-Knisja ta` Santa Ubaldeska.

L-inhawi fejn hemm in-nicca tal-Madonna ta` Lourdes kellu importanza kbira f`dawk iz-zminijiet (qabel ma zvilippat il-pjazza principali ta` Rahal Gdid) f`dan ir-rahal, kemm socjali, industrijali u religjuz. Qrib sewwa hdej din in-nicca ta` Lourdes kien hemm l-ghassa tal-pulizija f`Corradino. Anki l-posta u l-gurnali sa l-1883 kienu ghadhom jigbruhom minn hemm. Anki l-ilma , sa l-1908, l-abitanti ta` Triq Lampuka, Triq Sammat u ta` Triq il-Tarzna u ohrajn kienu jinqdew minn funtana ta` l-ilma li kienet f`dawn l-inhawi , fi Sda. Prigione.

Rigward il-qasam ekonomiku, fil-vicinanzi ta` din in-nicca , fl-1881, l-ahwa Cauchi kienu imsemmijin ghax-xoghol tal-qniepen, kellhom Fonderija taghhom. Ftit l-isfel mill-gholja Kordin kien hemm Britannia Dock ta` N. Zammit & Sons.  Aktar qrib lejna kien hemm it-Tarzna ta` Bezzina  (“Tal-Borom”)  li kienet maghrufa hafna u l-Funderija San Carlo.

 

Fil-Festa , il-Knisja ta` Santa Ubaldeska u imbghad mat-twaqqif tal-Parrocca u wara bit-titular tal-Qalb ta` Gesu`, l-inhawi ta` Lourdes kienet tinghata prominenza ghall-ippostjar tal-baned, ghall-pucissjoni u l-ghoti tal-Barka Sagramentali f`xi okkazjonijiet. Il-Kappillan Dun Nerik Bonnici , fl-1920, fetah xi djar fin-nizla tal-Marsa biex jintuzaw ghat-taghlim religjuz ghat-tfal minhabba li l-knisja kienet zghira.

Sa Hadd il-Palm ta` l-1936, l-abitanti tan-naha ta` Lourdes u tal-bicca l-kbira ta` Rahal Gdid  ghall-funzjonijiet liturgici u htigijiet religjuzi taghhom kienu jinqdew minn din il-knisja zgira ta` Santa Ubaldeska. Ghax-xaqliba ta` fuq ta` Rahal Gdid , kien hemm kappella ckejkna tan-Nazzarenu li tesa ` madwar 100 ruh.

 

Xtaq Knisja flok kappella

 

Minhabba nuqqas ta kumdita` ghall-parrucani ta` Rahal Gdid , dan beda jigi fi hsieb Dun Frangisk Xuereb. Aktarx malli lehaq kappillan ta` din il-Parrocca, hu gieh il-hsieb li jtella` Kappella ftit l-isfel minn nicca ta` Lourdes, dan minhabba li in-nies ta` dawk l-inhawi kellhom il-boghod ghal knisja.

 

Il-hsieb u l-holma tal-kappillan Xuereb kien li jaghmel kappella lill-Madonna ta` Lourdes lejn in-naha tan-nicca tagha. Meta qal dan lill-Arcisqof Gonzi, dan xtaqu li flok kappella jibni knisja taht l-istess titlu lill-Madonna.  Mons Xuereb ma qalx le u lanqas qata` qalbu.  Qal li jsir tak li trid u tixtieq il-Madonna. Flimkien mal-permess li jibda x-xoghol, l-Arcisqof tah ukoll £500 biex ikun jista` jibda.  Ix-xewqa ta` Mons. Xuereb kienet li l-kappella ssir fejn dak iz-zmien kien hemm l-ghajn, jigifieri ftit passi `l boghod minn din in-nicca. L-Arcisqof izda xtaq li l-knisja l-gdida tkun aktar l-isfel. Mons Xuereb xtaq ukoll li l-knisja tkun thares lejn in-nicca.

 

B`xorti tajba (jew ghax hekk riedet il-Madonna, l-uniku bicca art fil-qrib li ma kienitx mibnija kienet dik fejn illum hemm il-knisja. Huwa fatt ukoll li t-toroq gew kif incidentalment kienu mqassma kienu jaqblu u jghoddu skond il-pjanta li kellu f`mohhu l-kappillan.

 

Dan il-post fejn tinsab il-knisja kien maghruf bhala dahar il-hmar. Dan il-post kien imharbat u fih kien jintefghu l-imbarazz.

 

Ta` 64 sena , ragel li baghta u hadem bla mistrieh biex itella` l-bini tal-Knisja Parrokkjali li kien ghadu kemm lesta, mimli hegga u mpenn daqs wiehed zaghzugh, Mons Xuereb mar jimmarka r-roqgha ta` l-art ghal din il-knisja l-gdida.

 

 

`Knisja Xuereb`

 

Fil-11 ta` Frar 1963, ghamel pellegrinagg mill-knisja parrokkjali ta` Kristu Re ghal post fejn kellha tinbena l-knisja ftit `l isfel minn nicca tal-Madonna ta` Lourdes. Il-kappillan Dun Adolf Agius flimkien mal-kleru u mal-poplu, mexa quddiem b`salib li kellu jitqieghed fuq l-art li Mons. Xuereb kien ser jixtri.  

 

Fis-7 ta` Marzu 1963, xtara l-art minghand is-Sur Jackson u ghamel il-kuntratt. Bl-ispejjez ta` l-art u kollox kienet swietlu £1,258.10s.10d. Ghall-pjanta ta` din il-knisja inkariga lil neputih, il-Perit Joseph Xuereb, li fi zmien qasir hejja kulma kien mehtieg biex seta` jinbeda x-xoghol.  Ix-xoghol mexxa u ghamel kollox bla hlas.

Bhala bennej intaghzel is-Sur Carmelo Mifsud minn Hal Qormi. Fil-pedament hemm fond ta` 17-il filata. Bl-ghajnuna tad-Ditta S.C. Xuereb Ltd. F`qasir zmien intradam il-pedament u twitta minghajr hlas. Sad-9 ta` Awissu kien lest kollox biex setghet titqieghed u tigi mbierka l-ewwel gebla angulari. Dan kollu sar bl-ghajnuna tal-familja ta` Mons. Xuereb.

Din il-gebla tqiedet u tbierket minn Mons. Arcisqof Mikiel Gonzi nhar il-festa ta` Santa Marija ta` l-1963. Dakinhar, Mons Arcisqof kien akkumpanjat minn Mons Raphael Capurro u Mons Aloysius Psaila. Hargu mid-dar tas-Sur Vincent Bianco, li kien l-uniku bini fil-qrib. Saret purcissjoni qasira u wara saret ic-cerimonja tat-tqeghid ta` l-ewwel gebla tal-knisja quddiem il-parrinijiet, il-Kaptan Serafin Xuereb u s-Sur Manwel Grech. F`dak il-hin kien hemm ferh kbir fost dawk il-ftit nies li kellhom ghal qalbhom dan il-progett ta` Mons Xuereb.

Waqt id-diskors tieghu f`din l-okkazjoni, l-Arcisqof semma li biex titlesta l-knisja tiehu sentejn, izda Mons Xuereb wiegbu li titla` f`wisq inqas. L-Arcisqof kien jaf li l-familja Xuereb frankawlu flus u kemm jiswewlu ghax-xoghol. Il-Kaptan Xuereb li kien wiehed mill-parrinijiet qal bi tbissima li din il-knisja : `Knisja Xuereb`.  

Minkejja l-hegga u l-hidma ta` Mons Xuereb ghal bini ta` din l-knisja. Sab ukoll tfixkil u l-kritika ta` hsara. Fuq hekk il-Monsinjur kellu inkwiet kbir. Ghall-bidu, ftit kienu dawk li qablu li fuq dik l-art tinbena il-knisja. Kien hemm min ried li f`dan l-istess lok tinbena sala tac-cinema.

Ma kienx jidher li kien zmien sabih. Hu stess stqarr pubblikament li minflok appogg kien sab tfixkil min-nies ta` dawk l-inhawi. Anke meta ix-xoghol beda miexi gmielu u tqieghdu s-sisien dawn in-nies baqghu sejrin bl-ostakli. Quddiem dan kollu hu ma qatax qalbu imma baqa ghaddej bix-xoghol tieghu.

 

F`sena u nofs kienet imsaqqfa

 

“Dak li jkun gej mis-sema ma jhassru hadd”  Mons Xuereb diga kien gheleb b`kuragg kbir il-hafna ostakli u kritika meta kien ghaddej bil-bini tat-tempju majestuz ta` Kristu Re. Dan il-bniedem, barra li kien sacerdot habrieki, kien jaf sewwa il-mestier tal-bini. Barra hekk hu stess kien ixammar u jmid idejh ghax-xoghol bis-serjeta`. Waqt ix-xoghol tal-bini tal-Knisja Parrokjali ta` Kristu Re, kont tarah liebes il-boiler- suit blu u jahdem mal-haddiema daqs l-aqwa bennej.

L-ghada tat-tqeghid ta` l-ewwel gebla nbeda x-xoghol tal-knisja `l fuq mill-qatran. Kompla sejjer bla waqfien sakemm fit-18 ta` Gunju 1964 kienet lesta ghas-saqaf.  Mons Xuereb kien ta` kuljum jisorvelja x-xoghol u b`hekk il-bini kien tlesta fi zmien qasir.

Meta kien gej biex isaqqaf il-knisja, iltaqa ma saram ghaliex it-travi damu ma waslu mill-Ingilterra , ghalhekk gieghel lill-kuntrattur biex jitfa` l-haddiema ghax-xoghol tal-kampnar. Mal-wasla tat-travi rega` kompla bix-xoghol tas-saqaf. Dan kien lest fis-17 ta` Awissu 1964.

Minhabba li issa l-knisja kienet imsaqqfa, Mons Xuereb wera x-xewqa li ta` l-anqas jibda jaghmel quddiesa nhar ta` Hadd, izda l-Arcisqof ma tahx permess.

Kompla bix-xoghol ta` l-art. Fit-2 ta` Novembru ghamel il-paviment bil-muzajk tal-knisja, sagristija, tal-kor u l-klassijiet tad-duttrina tat-tfal. Biddel il-bibien li kienu ghadhom provizorji u lesta l-artal ta` l-irham. Fil-festa tal-kuncizzjoni 1964, il-knisja kienet lesta u setghu jsiru fiha l-funzjonijiet. Izda kien ftit gimghat wara, fl-ahhar ta` Dicembru, setghet tintuza facilment min-nies.  

 

 

Tberik u deskrizzjoni tal-Knisja

 

It-tberik tal-knisja sar nhar it-8 ta` Frar 1965. Kellu jsir f`data qabel , imma thassret. Mat-tberik giet ukoll iddedikata lill-Madonna ta` Lourdes. Waqt ic-cerimonja l-Arcisqof qal li kienet tassew holma li kien qed jara l-knisja lesta. Fahhar il-bini, ix-xoghol u l-fundatur taghha, Mons Xuereb. Wara il-Monsinjur ta l-Barka Sagramentali.

Maghha haseb ukoll ghall-bini ta` zewg appartamenti. Wiehed ghas-sacerdoti li jiehdu hsiebha u l-iehor ghas-sagristan.

F`dan iz-zmien waslet ukoll il-pittura li kienet ilha ordnatha erba` snin minghand il-pittur Emvin Cremona, li giet tiswa £1600. Bl-ghajnuna mis-sacerdoti tal-Parrocca ta` Kristu Re , f`qasir zmien bdiet tiffunzjona daqs parrocci ohra.

 

L-istil tal-knisja hu purament modern, imfassla fuq imrewha. Id-disinn, il-pjanta u t-tmexxija tax-xoghol sar kollu bla hlas mill-Perit Joseph Xuereb.

L-artal, qieghed taht speci ta` baldakkin u jiehu d-dawl minn twieqi fil-gholi. Fuq in-naha ta` l-ambone hemm is-sagristija u fuq in-naha l-ohra tac-celebrant hemm il-kor. Mal-mural, fejn hemm it-tabernaklu, hemm pittura sabiha xoghol ta` Emvin Cremona, li tirraprezenta l-hniena t`Alla manifestata bl-intercessjoni tal-Madonna u l-Ewkaristija.

 

 

 

 

 

 

 

 

Maz-zewg ignub tal-knisja hemm seba` twieqi kull naha, dojoq u twal u that kull wahda hemm salib li jirrapprezenta l-istazzjonijiet tal-Via Sagra.

Fil-knisja insibu ukoll zewg niccec ghall-istatwi tal-Madonna ta` Lourdes u l-ohra ghall-Madonna tad-Duluri.

Is-saqaf tal-knisja qed jistrieh fuq erba` travi gholjin 30 pulzier u twal mas-60 pied. Is-saqaf hu maghmul minn suffett u mzejjen bi stilel celesti. Il-Kampnar u maqtuh mill-knisja izda hemm bieb minnha li jaghti ghal dan il-kampnar. Il-qniepen tieghu huma dawk li qabel kienu fil-kampnar tal-knisja l-qadima ta` Sant Ubaldeska –l-ewwel parrocca ta` Rahal Gdid. Dawn l-istess qniepen bejn 1936 u l-1964 ittiehdu u ntuzaw ghall-knisja parrokkjali ta` Kristu Re.

 

Hu ikkalkulat li b`kollox, sa tmiem l-1967, intefet is-somma ta` £10,000.   Din il-knisja tesa` 350 ruh bilqieghda, u fuq wara tal-knisja imbena c-Centru fejn issir it-taghlim tal-katekizmu lit-tfal.

 

 

Imwaqqfa Parrocca

 

Il-popolazjoni dawk in-nahat ta` Rahal Gdid beda jikber maghggel. Madwar 1962 u l-1966, ftit l-isfel min-nicca ta` Lourdes , fit-telgha ta` Rahal Gdid, beda tiela blokk ta` 35 appartament u iehor ta` 24. Ikkalkulat li lejn l-ahhar tas-snin sittin, ghall-quddies tal-Hdud kienu jattendu ma` l-1000 ruh.

 

Minghajr ma saret l-ebda petizzjoni jew rikorsi mill-abitanti, bhalma kien gara fil-bidu tas-seklu fil-kaz ta` Rahal Gdid, nhar is-16 ta` Lulju 1974, Mons. Xuereb sar jaf privatament li l-Knisja tal-Madonna ta` Lourdes ser issir parrocca. Ftit jiem wara, l-Arcisqof ta` din l-ahbar lil Mons  Xuereb hu stess. Fil-11 ta` Settembru 1974, hareg digriet mill-Palazz Arciveskovili li din giet imwaqqfa Parrocca.

F`Ittra Pastorali Mons Arcisqof Mikiel Gonzi, kiteb li :

 

“Biex inkomplu nwettqu d-direttivi tal-Koncilju Vatikan II, hsibna li nwaqqfu Parrocca gdida ghall-gid spiritwali tal-poplu li joqghod f`Rahal Gdid.

Ghalhekk b`Digriet moghti bl-istess data tal-lum, waqqafna bhala Parrocca gdida l-Knisja iddedikata `l Alla taht it-titolu tal-Madonna ta` Lourdes, li tinsab f`Rahal Gdid (Pawla). It-territorju moghti lil din il-parrocca ge mehud mill-Parrocca ta` Kristu Re ta` Rahal Gdid, skond il-pjanta merfugha fil-Kurja taghna Arciveskovili flimkien mad-Digriet tat-twaqqif. Dan id-Digriet sar wara li ttiehdu l-passi kollha mehtiega skond il-Ligi tal-Knisja. Jibda jsehh minn nhar il-Hadd 22 ta` Settembru 1974.

Bhala l-ewwel Kappillan ta` din il-parrocca gdida, ninnominaw lir-Rev. Sac. Victor Zammit McKeon.  

Filwaqt li nirrikkmandaw lil dawk kollha li jghammru fit-territorju imsemmi, biex jintrabtu b`imhabba, rispett u sens ta` koperazzjoni mal-Parrocca taghhom, naghtuhom il-Barka Pastorali taghna, bhala xewqa li Alla jxerred bil-kotra l-Barka Tieghu fuq il-Hidma kollha li fiha sejra issir.

Moghti mill-Palazz taghna Arciveskovili, tal-belt Valletta, illim 11 ta` Settembru 1974”

 

 

Il-Pussess ta l-ewwel Kappillan u l-ewwel Festa Titulari

 

Fl-ahhar ta` Awissu 1974, Mons Xuereb irtira u f`Settembru ta` sena qabel kien baghat ittra lill-Mons Arcisqof fejn talbu biex isib qassis iehor floku biex imexxi l-knisja.

 

Il-Hadd 22 ta` Settembru 1974 , bdiet tiffunzjona bhala parrocca u sar kxif u tberik ta` zewg lapidi ta` tifkira. Wahda tfakkar it-twaqqif ta` l-inhawi bhala parrocca u l-ohra bhala rikonoxximent lil Mons Frangisk Xuereb tax-xoghol li wettaq ghall-gid spiritwali u materjali f`dan il-post. F`dan il-jum , ukoll, Mons Xuereb ta` il-flus u l-affarijiet l-ohra li kellu tal-parrocca. Ghalkemm tah aktar minn £5000 fi flus , deheb u djamanti, imma qatt ma ghamel gbir bieb bieb, izda in-nies taw minn qalbhom meta raw li l-progett , holma ta` Mons Xuereb issa kien sar.

 

Il-Hadd 27 ta` Ottubru, 1974, l-ewwel Kappillan Dun Victor Zammit McKeon inghata l-pussess. Dan kien ukoll l-ewwel pussess ta` Kappillan minn Mons Guzeppi Mercieca, li dak iz-zmien kien Isqof Awziljaru u Vigarju Generali. Dak inhar filghodu, Mons Francesco Xuereb, fundatur ta` din il-knisja, kixef lapida kommemorattiva.

 

 

 

 

 

                                          

Irhama ta` Tifkira meta l-Arcisqof                                     Irhama ta` Tifkira tax-xoghol kbir li wettaq

Mikiel Gonzi li fit-22 ta` Ottubru  1974                            Mons. Xuereb f`din il-Parrocca. 

iddedika din il-Parrocca lil Madonna ta`

Lourdes

 

 

 

 

 

 

Bil-flus li ghaddielu Mons Xuereb, il-kappillan il-gdid seta` ikompli fejn halla hu. Ghalkemm il-knisja kienet lesta minn dak li hu bini, imma kienet nieqsa minn armar u xogholijiet ohra. Dun Victor bena id-dar mill-gdid fejn kien joqghod,ic-centri ghall-katekizmu ghat-tfal, irranga l-paviment u ghamel it-twieqi bi hgieg ikkulurit. Fost affarijiet ohra, bl-ghajnuna tal-poplu, haseb ghall-pjaneti u bzonnijiet ta` l-artal. Xtara ukoll orgni mill-Italja (Ancona) tad-ditta Farfisa li gie jiswa Lm770 u inawgurat minn Patri Albert Borg, Agostinjan.

 

Il-Kappillan ried ikoll ihejji ghal ewwel festa titulari, li saret fil-24 ta` Awissu 1975. Il-vara kien diga` haseb fiha Mons Xuereb. Ghal xi zmien din kienet f`dar privata fl-intrata tal-familja Meilak. Minhabba f`dan, fost il-poplu Pawlist kienet maghrufa bhala “il-Madonna tal-Meilak”.  Meta dawn mietu, ittiehdet fil-Muzew tal-Bniet.  Meta l-knisja l-gdida kienet lesta , Mons Xuereb  hadha fiha u poggieha hdejn l-artal maggur ghall-qima tan-nies. Sas-sena 1979 fil-jiem tal-festa kienet tintrama` fil-knisja b`ghadd kbir ta` xemghat u bukketti tal-ward u bdiet tintuza fil-purcissjoni mat-toroq ewlenin tal-parrocca. Il-limiti tal-parrocca huma minn tul Triq il-Gdida `l isfel fl-inhawi li jmissu mal-Qasam Industrijali tal-Marsa u madwar in-nicca ta` Lourdes.

 

 

 

 

 

 

Il-Vara Titulari gdida

 

 

 

        

 

 

 

Fil-festa titulari tas-sena 1980 izzanznet statwa gdida. Din tiffigura lill-Madonna tibghat lil Bernardette ghand il-Kappillan ta` Massabielle biex titolbi jibni kappella.

 

It-Tnejn 18 ta` Awissu 1980 twasslet b`carcade minn Triq Dicembru Tlettax fil-Marsa ghal Rahal Gdid quddiem il-Knisja parrokjali ta` Kristu Re. Bhala sinjal ta` ghaqda bejn iz-zewg parrocci , fl-assenza tal-Kappillan Dun Adolf Agius ghax kien imsiefer, il-Vici-kappillan Dun Vincenz Deguara u Dun Mario Agius ipprezentawlha bukkett fjuri.

 

L-istatwa hi xoghol ta l-iskultur Samwel Bugeja mahduma fl-injam punent (yellow pine) li ingieb apposta mill-Italja. Il-vara hi twila 162.5 centimetri (5 piedi u 5 pulzieri) u wiesgha 62.5 centimetri (2 piedi u pulzier).

 

Id-dimostrazzjoni bl-istatwa kompliet ghat-telgha ta` Rahal Gdid akkumpanjatha mill-Banda Lourdes tal-lokal sa ma twaslet fuq iz-zuntier tal-parrocca Lourdes. Il-Kappillan Zammit McKeon iccelebra quddiesa u wara bierek l-Istatwa Titulari.

 Ftit wara l-wasla ta` din il-vara,  “Tal-Meilak” ittiehdet lura f`posta u tqieghdet f`nicca fil-kappellun lemini tal-knisja parrokjali ta` Kristu Re fejn hemmhekk hi maghrufa bhala l-`Kuncizzjoni`. Illum il-gurnata , l-`Kuncizzjoni` tinsab fil-kappella tal-Museum tal-Bniet fi Triq Santa Monika.

 

Il-festa titulari tal-Madonna ta` Lourdes tigi iccelebrata fl-ewwel Hadd ta` fuq Santa Marija.  Barra l-purcissjoni bit-titular, matul is-sena jsiru zewg purcissjonijiet ohra. Wahda mill-1993 bl-istatwa tad-Duluri. Din saret fl-1986 mill-iskultur Kav. Alfred Camilleri Cauchi. L-ohra hi tal-Qalb Imqaddsa ta` Gesu` , li issir fil-festa liturgika taghha. Sas-sena 1986 kient issir ohra fil-festa ta` Korpus bil-partecipazzjoni miz-zewg parrocci.

 

Fil-parrocca hemm diversi ghaqdiet religjuzi li jzommu din il-parrocca hajja u attiva.

 

Il-kappillani li hadu hsieb it-tmexxija u l-harsien ta` l-ghajnuna pastorali u l-gid spiritwali ta` din il-komunita` parrokjali kienu :

 

Dun Victor Zammit McKeon  (1974-1980)

Dun Raphael Pace  (1980-1993)

Dun Frans Abdilla  (1993-1995)

Dun Alex Bezzina    (1995-1997)

Dun Mario Mifsud  (1997-2003)

Dun Marco Portelli  (2003-2006)

Dun Christopher Galea   (2006-    )

 

 

 

 

 

 Il-Knisja Parrokjali tal-Madonna ta` Lourdes

 

 

 

  

 Id-Duluri meqjuma fl-istess Parrocca