Grupp Abbatini Immakulata Kuncizzjoni Hamrun

Ulied Marija Immakulata fuq l-artal

L-Arċisqof jiktbilna!

 

Għeżież Abbatini,

Jiena ħadt gost meta ġejt mistieden nagħmel dan il-messaġġ fuq is-sit tagħkom.

Ħadt gost l-ewwelnett għaliex intom tħossukom li qed tagħmlu servizz lill-Knisja u lill-Komunita’ Parrokkjali li tiltaqa’ fil-Knisja tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun. Dan is-servizz dejjem ifakkarni meta jiena kont abbati fil-Knisja ta’ San Ġakbu l-Belt. Konna grupp tajjeb, u ħafna minna konna wkoll parti mill-Kor ta’ San Ġakbu, u konna nkantaw anki fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Konna nieħdu sehem wkoll fil-'Gara' fuq il-Katekeżi li kienet isir kull sena.

Dan ifakkarni li anki biex tkun abbati trid tisma’ is-sejħa tal-Mulej - xi drabi ġewwa qalbek, xi drabi mill-famlija jew mill-ħbieb,- u tgħidilha ‘Iva’. Dan jixbaħ ħafna is-sejħa tal-Profeta Samwel. Aħna naqraw fil-Ewwel Ktieb ta’ Samwel, it-twegiba ta’ Samwel li kien għadu  żgħir u kien joqgħod fit-Tempju, Għas-sejħa tal-Mulej, hu wieġeb hekk: “Tkellem, (Mulej) għax il-qaddej tiegħek qiegħied jisma” (I Sam 3, 10).

Jiena nixtieq li t-tweġiba tagħkom bħala abbatini tkun bl-istess mod. Mhux biss li tagħtu servizz fuq l-altar, iżda li tiftħu widnejkom lejn il-Mulej u tisimgħuh!

Jiena fraħt ukoll li intom ħsibtu biex taqsmu bejnietkom u ma’ oħrajn dan il-ferħ tagħkom fil-qadi tal-Mulej. Jalla oħrajn ikunu jistgħu jitħajru minnkom biex anki huma iservu lill-Komunita’ Parrokkjali bħala abbatini!

                                                                                                                                                                                                                                                                            

Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta` Malta