Grupp Abbatini Immakulata Kuncizzjoni Hamrun

Ulied Marija Immakulata fuq l-artal

Kelmtejn Ma' ....

Kelmtejn Ma' Charlie

Il-Grupp ta’ l-Abbatini tal-Parroċċa tagħna għandu storja li tmur lura għal żmien il-Kappella ta’ Burlo, fi Triq id-Duluri. Fil-fatt l-eqdem ritratt li għandna juri lil Dun Edgar Vella, li kien is-saċerdot li jieħu ħsieb il-Kappella, flimkien ma’ grupp sabiħ ta’ abbatini. Dan ir-ritratt jidher li ttieħed fit-triq ta’ wara l-Knisja, illum Triq il-Kuncizzjoni, u jidher ukoll li l-bini tal-Knisja l-ġdida kien għadu mhux lest. Fil-fatt Dun Edgar miet fl-1962 meta il-bini tal-Knisja kien lest, imma kien għad jonqos ħafna xi jsir.

 Meta fl-1962 sar Rettur tal-Kappella, Dun Ġużepp Mifsud Bonnici beda ix-xogħol biex il-knisja tkun tista tinfetaħ għall-qima tal-pubbliku. Diversi kienu n-nies li, b’mod volontarju, għenu fix-xogħol li kien meħtieġ isir bħal: tindif mill-ġebel u t-trab li tħalla mill-ħaddiema, it-twieqi, id-dawl u tant affarijiet oħra. Wieħed jimmaġina li f’din il-ħidma kollha l-abbatini ma baqgħux lura għax anki f’dan iż-żmien kien hemm grupp sabiħ ħafna.

Fi żmien Dun Ġużepp, meta l-Knisja kienet miftuħa w bdiet tinfunzjona, konna madwar 80 abbatini. Għadni niftakar li ta’ kull sena kien ikollna l-vestizzjoni, li għaliha kien jiġi il-Kan. Ġużeppi Delia mill-Belt. Kien ukoll f’dan iż-żmien li bdew jmorru l-ewwel abbatini mill-grupp tagħna għas-servizz fil-Vatikan.

Wara dan iż-żmiem il-grupp għadda f’idejn Dun Vinċenz Cachia, illum Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid. F’dan iż-żmiem il-grupp kellu anki l-Kor tiegħu u kien jieħu sehem bil-kant fil-funzjonijiet ewlenin tal-Knisja.

Wara li Dun Vinċenz spiċċa minn viċi-parroku, biex jibda il-ħidma pastorali tiegħu bħala Kappillan fil-parroċċa ta’ Ħad Dingli, il-grupp għadda f’idejn Dun Karm Busuttil. Anki f’dan iż-żmien il-grupp kien fih numru sabiħ ta’ abbatini u kienu jorganizzaw ħafna attivitajiet.

Illum il-grupp ta’ l-abbatini għadu ħaj għalkemm in-numru ta’  abbatini minn dan iż-żmien li qed insemmu sa llum naqas sew.  Il-Grupp iħaddan fih mal-15 l-abbati li lkoll jagħtu s-sehem sħiħ  tagħhom fil-funzjonijiet, fil-laqgħat u fl-attvitajiet kollha li matul is-sena norganizzaw.

Grazzi għall-għajnuna ta’ Gabriel u James Ellul li qed jagħtu s-sehem tagħhom fit-tmexxija tal-Grupp.

J’Alla aktar tfal jitħajjru li jissieħbu fil-grupp ta’ l-abbatini fejn jistgħu jitgħallmu mhux biss is-servizz ta’ l-altar imma jieħdu wkoll formazzjoni spiritwali li tgħinhom għall-ħajja futura tagħhom.

Charlie Zerafa 

                                                                                                                                                                                        

Kelmtejn Ma' Gabriel

Tul is-snin, il-Grupp tal-Abbatini laqa’ fih bosta subien mill-Parroċċa u pprovdihom b’opportunitajiet siewja sabiex jagħtu s-servizz tagħhom fuq l-altar u jiżvillupaw spiritwalment. Issa li għandna dan is-sit, j’Alla l-abbatini jsibu fih għodda tajba sabiex jaġġornaw ruħhom fuq l-attivitajiet tal-Parroċċa u b’hekk ikunu jistgħu jagħtu sehem iktar attiv meta jwettqu l-ħidma bżonjuża tagħhom. Nispera li s-sit iservi wkoll bħala mezz sabiex dawk kollha li kienu abbatini fil-Parroċċa tal-Immakulata ikunu jistgħu jsegwu l-grupp kif ukoll jagħtu sehemhom billi joffru xi suġġerimenti li jkollhom.

Nixtieq ngħid prosit lil James tal-inizjattiva li ħa sabiex bena dan is-sit kif ukoll lil abbatini kollha, tas-servizz dedikat li dejjem narahom iwettqu, filwaqt li nfakkarhom li dan is-sit huwa magħmul apposta għalihom. Ejjew nagħmlu użu tajjeb minnu!

Gabriel J. Ellul

Direttur 

                                                                                                                                                                                        

Kelmtejn Ma' James 

Minn meta kont iżgħar  minn dejjem kelli x-xewqa li nħabbar l-attivitajiet tal-grupp tagħna tal-abbatini permezz ta’ sit elettroniku. Mit-22 ta’ Frar 2009 bdejt naħdem tista’ tgħid kuljum fuq dan is-sit u s’issa nħossni sodisfatt bil-kbir ħafna mill-konkorrenza ta’ sħabi l-abbatini u l-ġenituri tagħhom, membri ta’ għaqdiet oħra fil-parroċċa u nies minn din il-parroċċa u parroċċi oħra. Ħassejtni sodisfatt ukoll meta bagħtuli xi ex-abbatini  u qaluli kemm il-grupp tal-lum hu iffortunat li jista’ jara l-avvizi u r-roster mill-kumdita’ tad-dar permezz tal-internet.

Ħassejt li kelli feedback tajjeb mhux biss mill-kummenti li hemm miktubin fuq is-sit biss imma wkoll kif l-abbatini sħabi laqgħuh u qegħdin jużawh. Inħossni sodisfatt ukoll li dan is-sit qed jieħdu gost juzawh kemm l-abbatini u nies oħra, speċjalment għal mod kif inhu mibni.

F’dan is-sit nista’ nwassal memorji ta’ attivitajiet tal-grupp permezz tar-ritratti u videos. Sħabi l-abbatini qegħdin jiktbu esperjenzi u avventuri tagħhom biex jaqsmuhom magħna.

Nirringrazzja lil dawk kollha li daħlu jew li ħa jidħlu fuq dan is-sit elettroniku. J’Alla li b’dan is-sit nibqgħu nxandru l-kelma t’Alla, inwasslu l-avvizi tal-grupp u jservina bħala post ta’ formazzjoni għalina nfusna. J’Alla bih jista jissaħħaħ dejjem iktar il-grupp tagħna tal-abbatini! Nirringrazzja mhux l-inqas lil abbatini sħabi li mingħajrom dan is-sit elettroniku ma jkun xejn u fuq kollox nirringrazzja lil Patruna tal-parroċċa tagħna, lil Marija Immakulata, li qiegħda dejjem iżżomm idejHa fuq dan il-grupp u titlob għalina biex il-fjamma li qegħda tħaddan fostna ma’ tintefix.

Viva Marija Immakulata!

James A. Ellul

      Asst. Direttur u Webmaster