Grupp Abbatini Immakulata Kuncizzjoni Hamrun

Ulied Marija Immakulata fuq l-artal

Grazzi Charlie!

F'isem il-Grupp kollu, noffru din il-paġna sabiex nibqgħu niftakru f'dak kollu li Charlie Zerafa għamel magħna.

-Grazzi tad-dedikazzjoni kontinwa tiegħu lejn il-Grupp,

-Talli dejjem żamm il-Grupp tagħna f'qalbu,

-Tal-formazzjoni spiritwali li ta lil kull membru tal-Grupp,

-Tal-imħabba kbira li rawwem fina lejn l-artal u lejn Kristu,

-Tal-paċenzja kbira tieghu u talli qatt ma żamm lura milli jgħinna u jigwidana,

-Ta' kemm iddedika ħin għalina,

-Talli urina kif tassew għandna nkunu ulied Marija Immakulata fuq l-artal!

 

         

 

 

 

 Grazzi Charlie!

 

 Aghtih O' Mulej il-mistrieħ ta' dejjem. Id-dawl ta' dejjem jiddi fuqu. Jistrieħ fis-sliem. Ammen

Dan hu l-artiklu li kitbilna Charlie għal dan is-sit elettroniku.

 

Kelmtejn Ma' Charlie

Il-Grupp ta’ l-Abbatini tal-Parroċċa tagħna għandu storja li tmur lura għal żmien il-Kappella ta’ Burlo, fi Triq id-Duluri. Fil-fatt l-eqdem ritratt li għandna juri lil Dun Edgar Vella, li kien is-saċerdot li jieħu ħsieb il-Kappella, flimkien ma’ grupp sabiħ ta’ abbatini. Dan ir-ritratt jidher li ttieħed fit-triq ta’ wara l-Knisja, illum Triq il-Kuncizzjoni, u jidher ukoll li l-bini tal-Knisja l-ġdida kien għadu mhux lest. Fil-fatt Dun Edgar miet fl-1962 meta il-bini tal-Knisja kien lest, imma kien għad jonqos ħafna xi jsir.

 Meta fl-1962 sar Rettur tal-Kappella, Dun Ġużepp Mifsud Bonnici beda ix-xogħol biex il-knisja tkun tista tinfetaħ għall-qima tal-pubbliku. Diversi kienu n-nies li, b’mod volontarju, għenu fix-xogħol li kien meħtieġ isir bħal: tindif mill-ġebel u t-trab li tħalla mill-ħaddiema, it-twieqi, id-dawl u tant affarijiet oħra. Wieħed jimmaġina li f’din il-ħidma kollha l-abbatini ma baqgħux lura għax anki f’dan iż-żmien kien hemm grupp sabiħ ħafna.

Fi żmien Dun Ġużepp, meta l-Knisja kienet miftuħa w bdiet tinfunzjona, konna madwar 80 abbatini. Għadni niftakar li ta’ kull sena kien ikollna l-vestizzjoni, li għaliha kien jiġi il-Kan. Ġużeppi Delia mill-Belt. Kien ukoll f’dan iż-żmien li bdew jmorru l-ewwel abbatini mill-grupp tagħna għas-servizz fil-Vatikan.

Wara dan iż-żmiem il-grupp għadda f’idejn Dun Vinċenz Cachia, illum Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid. F’dan iż-żmiem il-grupp kellu anki l-Kor tiegħu u kien jieħu sehem bil-kant fil-funzjonijiet ewlenin tal-Knisja.

Wara li Dun Vinċenz spiċċa minn viċi-parroku, biex jibda il-ħidma pastorali tiegħu bħala Kappillan fil-parroċċa ta’ Ħad Dingli, il-grupp għadda f’idejn Dun Karm Busuttil. Anki f’dan iż-żmien il-grupp kien fih numru sabiħ ta’ abbatini u kienu jorganizzaw ħafna attivitajiet.

Illum il-grupp ta’ l-abbatini għadu ħaj għalkemm in-numru ta’  abbatini minn dan iż-żmien li qed insemmu sa llum naqas sew.  Il-Grupp iħaddan fih mal-15 l-abbati li lkoll jagħtu s-sehem sħiħ  tagħhom fil-funzjonijiet, fil-laqgħat u fl-attvitajiet kollha li matul is-sena norganizzaw.

Grazzi għall-għajnuna ta’ Gabriel u James Ellul li qed jagħtu s-sehem tagħhom fit-tmexxija tal-Grupp.

J’Alla aktar tfal jitħajjru li jissieħbu fil-grupp ta’ l-abbatini fejn jistgħu jitgħallmu mhux biss is-servizz ta’ l-altar imma jieħdu wkoll formazzjoni spiritwali li tgħinhom għall-ħajja futura tagħhom.

Charlie Zerafa